Friday, September 5, 2025

‘It-Triathlon huwa sport li huwa aċċessibli għal kulħadd … l-importanti li jibqa’ ta’ pjaċir u mhux ta’ stress’ – Christopher Buhagiar

Aqra wkoll


Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Triathlon, fosthom l-Ironman?

Bdiet meta waqt il-pandemija tal-Covid-19, ingħalqu l-ajruporti u tħassruli t-tlielaq tal-ġiri li kelli ppjanati. Il-ġiri bla tlielaq għalija mhuwiex daqshekk interessanti allura kont xtrajt rota u minn hemm beda kollox. Kont diġá nsewgi l-isport imma qatt m’għaddietli minn rasi li niprattikah.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb? 

Għandi ħinijet diċenti kemm fi ‘Sprint Olympic’ kif ukoll fil-‘Half Iron Man’, imma jien persuna li niġri wara d-diffikultá tat-tellieqa iktar milli l-ħin. L-ikbar suċċess għalija s’issa huwa li lestejt it-“triathlon d’alp de huez” li hija tellieqa fil-muntanji b’diffikultá li f’pajjiżna għandek limitu kemm tista’ tipprepara għaliha. 

Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tat-triathlon hawn Malta huwa tajjeb meta tqis li huwa livell amatorjali. Hemm l-atleti ż-żgħar li għandhom potenzjal ikollhom livell għoli sew. Kieku jkun hemm iktar atleti jattendu t-tlielaq lokali, tkun ħafna aħjar is-sitwazzjoni. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Rigward riżorsi, aħna limitati ħafna bħal kull ħaġ’oħra f’dan il-pajjiż. Kulhadd b’idejh marbutin sa ċertu punt! 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-Triathlon?

Il futur tiegħi fit-triathlon huwa li nieħu sehem fit-tlielaq fil-muntanji u iktar tlielaq estremi. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-Triathlon.

La kapaċi nagħmlu jien jagħmlu kulħadd. It-Triathlon huwa sport li huwa aċċessibli għal kulħadd … l-importanti li jibqa’ ta’ pjaċir u mhux ta’ stress … stress għandna biżżejjed f’ħajjitna! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport