Iċ-chairman ta’ Juventus, Andrea Agnelli, iltaqa’ mal-kontropartijiet tiegħu ta’ Real Madrid u Barcelona, Florentino Perez u Joan Laporta, f’Las Vegas, possibbilment biex jiddiskutu s-Super League Ewropew.
It-tliet clubs huma l-uniċi li għadhom marbuta mal-proġett infami tas-Super League, li deher li se jikkompetu maċ-Champions League tal- UEFA.
Meta f’April tas-sena l-oħra 12-il club minn tliet pajjiżi fl-Ewropa, Spanja, l-Italja u l-Ingilterra, kien ħabbru li se jingħaqdu biex jiffurmaw Super League, qabel ma għajta kbira wasslet biex il-clubs tal-Premier League, Arsenal, Tottenham, Manchester City, Manchester United, Liverpool u Chelsea, jirtiraw fi żmien 48 siegħa tat-tħabbira, li mbagħad raw lill-oħrajn, it-Taljani Inter u Milan kif ukoll l-Ispanjoli, Atletico Madrid jagħmlu bħalhom.
Kif ġie rappurtat, Agnelli kien f’Las Vegas għat-tour ta’ qabel l-istaġun ta’ Juventus u ħa l-opportunità biex jiltaqa’ fi pranzu ma’ Perez u Laporta, li kienu wkoll fil-belt għall-istess xogħol tagħhom ta’ qabel l-istaġun.
Minkejja l-għajta kbira tal-partitarji, it-tliet clubs qed jibqgħu marbuta mal-proġett tas-Super League u jista’ jkun li s-suġġett ġie diskuss aktar f’dan il-pranzu.
Il-proposta issa tinsab quddiem il-qorti fil- Lussemburgu u Perez qal ix-xahar li għadda, li “naturalment għadha ħajja.”
Anke jekk f’każ jingħataw raġun mill-qorti, il-UEFA għandha l-poter kollu biex tissospendi lil dawn it-tliet clubs milli jibqgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijit tagħha.