“Malta temmen li t-triq ’il quddiem fl-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna hija riżoluzzjoni għall-paċi bbażata fuq il-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji bażiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda.” Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York l-Istati Uniti.
Fid-diskors tiegħu għal din ir-reżoluzzjoni mressqa b’urġenza, il-Ministru Ian Borg tenna kif, bħala pajjiż, Malta tinsab ikkonċernata ferm b’dak li qed jiġri fl-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa anke għall-fatt li dan imur kontra l-prinċipji bażiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa kompla jgħid kif l-azzjonijiet tar-Russja li jmorru kontra l-liġijiet internazzjonali għandhom jiġu kkundannati bla ebda riserva.
Il-Ministru Borg fakkar kif kull min qiegħed jagħmel dawn l-atti li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem għandu jinżamm kontabbli.
Malta se tibqa’ titlob flimkien mal-komunità internazzjonali biex il-Federazzjoni Russa tirtira l-forzi tagħha mit-territorju Ukren u tinstab soluzzjoni paċifika bbażata fuq il-liġijiet internazzjonali u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Ian Borg ikkonkluda kif Malta qed tagħti l-appoġġ tagħha għar-reżoluzzjoni 11/5 li tippromovi r-rimedju għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna u ħeġġet lil aktar pajjiżi sabiex jagħmlu dan.