Wednesday, October 1, 2025

‘It-triq ma kinitx faċli … imma xi ħaġa li jgħallmek l-isport hija li dejjem tibqa’ tipprova u fl-aħħar jirnexxielek’ – Frankie Tanti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l imhabba tieghek lejn il-volleyball?

Oriġinarjament jien mir-Rabat, il-post minn fejn kienet bdiet il-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza. Meta kont għadni student b’ħafna ħin liberu fis-sajf, kont immur nsegwi u xi kultant ngħin ukoll.  B’hekk bdejt ninteressa ruħi fil-logħba u r-regoli tagħha.  Kien hemm ħafna żgħażagħ li bdew isegwu u jilagħbu b’effett tal-Maratona tal-Volleyball. Din il-Maratona sservi bħala għan nobbli imma anke indirettament għan sportiv.

U għaliex għażilt li tkun referee?

L-ewwel logħob li bdejt nirrefja kienu fil-fatt fil-Maratona tal-Volleyball u wara waħda minn dawn il-maratoni ġejt avviċinat minn voluntier li kien ukoll involut fl-Assocjazzjoni tal-Volleyball lokali u kien qalli li kien se jkun hemm kors tar-referees.  Kont attendejt u minn hemm bqajt għaddej minn staġun għall-ieħor. Din is-sena bdejt il-31 staġun lokali tiegħi bħala referee.

Min-numru kbir ta’ impenji internazzjonali li kellek fil-Volleyball, tiftkar xi wieħed iktar minn oħrajn u għaliex?

Wara ammont ta’ snin bħala referee lokali dejjem xtaqt nagħmel il-pass ta’ wara li nsir referee internezzjonali, speċjalment ukoll billi Malta qatt ma kellha referee internazzjonali.  Fl-2003 ġie ċ-ċans li jien u kollega ieħor immorru l-Italja u nattendu għall-kors intensiv, fejn wara testijiet prattiċi u teoritiċi konna kkwalifikajna. L-ewwel logħob internazzjonali kien fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar li kienu saru f’Malta fl-2003.

Minn dak iż-żmien sa issa rreffjajt ftit iktar minn 120 logħba internazzjonali. Kien hemm numru ta’ logħob li nibqa’ niftakar, fosthom l-ewwel logħba bejn Ċipru u l-Lussemburgu, imbagħad kien hemm numru ta’ kwarti tal-finali fit-Tazzi Ewropej u semi-finali tal-Kampjonat Ewropej tan-Nisa ta’ taħt is-17-il-sena bejn l-Italja u l-Belarus li saret il-Bulgarija. 

Numru ta’ plejers tal-Italja minn dik il-logħba illum huma rebbieħa tal-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Pariġi. Logħba oħra li kienet, u probabbli se tibqa’ unika, kienet logħba fir-rawnd tal-aħħar 16 tat-Tazza Ewropea (CEV Cup) bejn Mladost Zagreb (Kroazja) u Asterix Kieldrecht (Belġju) fil-Kroazja fejn konna tim ta’ żewġ referees internazzjonali Maltin. Dan minħabba li nbiddlu r-regoli u issa dejjem referees ikunu minn pajjiżi differenti.

Matul ix-xahar ta’ Lulju rreffjajt il-finali tal-U16s Ewropej bejn il-Polonja u t-Turkija. Agħtina iktar dettalji.

Dan kien it-tielet kampjonat finali li ħadt sehem fih. Bla dubju huwa wieħed li se nibqa’ niftakar. F’dan it-tournament kien hemm l-aħjar 16-il tim tal-Ewropa: l-Italja, il-Polonja, it-Turkija, Franza u Spanja fost oħrajn. Fil-logħbiet tal-gruppi ħassejt li kien qed ikolli wirjiet tajbin. Logħba wara l-oħra kien qed ikun hemm kummenti pożittivi mill-persuni inkarigati li jagħżlu r-referees. 

Fl-aħħar fażi tas-semi-finali kien għad baqa’ sitt referees u meta ma kontx magħżul għal din il-fazi tal-logħob ħassejt li kien hemm ċans li nkun fil-finali. Fil-fatt imbagħad hekk ġara … ir-referees tal-finali kienu mill-Iżlanda u Malta. Il-logħba bejn it-Turkija u l-Polonja kienet logħba viċin ħafna. L-erba’ sets li ntlagħbu spiccaw bl-inqas differenza possibli ta’ żewġ punti. Il-Polonja ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. 

Kif tqis il-livell tal-volleyball f’pajjiżna fil-preżent?

F’dawn l-aħħar snin kien hemm titjib fil-livell tal-kampjonat anke minħabba li numru ta’ klabbs Maltin qed jagħmlu użu minn plejers barranin li wkoll jgħinu biex itejjbu l-livell ta’ plejers oħra.  It-timijiet nazzjonali jieħdu sehem f’tournaments ta’ pajjizi żgħar tal-Volleyball. Fl-aħħar żewġ edizzjonijiet Malta rebħet il-midalja tad-deheb u l-fidda fil-katagorija ta’ taħt it-18-il sena. Nittama li dawn ir-rebħiet ikunu stimolu biex iktar plejers, u nies oħra madwar il-logħba ikomplu jitħeġġu u javvanzaw.

U dak tar riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Grazzi għal SportMalta u l-Malta Volleyball Association (MVA), mill-2003 ‘l hawn, il-Kampjonat Nazzjonali jintlagħab fil-Padiljun tal-Kottonera. Dan il-Padiljun sportiv huwa ta’ kwalitá għolja u jlaħħaqha ma’ ħafna padiljuni Ewropej li kelli ċans nirreffja fihom. L-MVA f’dawn l-aħħar snin investiet ukoll f’apparat diġitali biex ammont ta’ logħob ikun jista’ jiġi streamed live u wkoll apparat diġitali ieħor biex ir-referees jikkontrollow il-logħob b’mod iktar professjonali.

Waħda mill-isfidi kbar ta’ kull sport, imma speċjalment ta’ sport ‘żgħir’ hija l-aspett finanzjaru. Il-maġġoranza kbira tax-xogħol ta’ amministrazzjoni u xogħol ieħor fl-assoċjazzjoni u klabbs isir totalment b’mod volontarju imma hemm ħafna spejjeż ukoll. Nittama li iktar ma jgħaddi żmien ikun hemm aktar kumpaniji jew entitajiet li jjitħajru jgħinu b’mod finanzjaru biex ikabbru din il-logħba sabiħa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-volleyball?

Ir-referees internazzjonali għandhom limitu ta’ etá sakemm jistgħu jibqgħu jirreffjaw. Nittama li jirnexxieli nibqa’ għaddej sa dan il-limitu. Imbagħad wara nixtieq li nkompli ngħaddi l-esperjenzi li ksibt f’dawn is-snin lil ħaddiehor li jkun imħajjar jaqbad din il-karriera. Waħda mill-problemi li ltqajna magħha kienet li minħabba li jien u kollega ieħor konna l-ewwel Maltin sibna kollox ġdid għalina. Referees ta’ pajjiżi oħra dejjem kellhom xi hadd li jista’ jkun ta’ gwida għalihom.Nixtieq li din ma tiġrix għal min jiġi warajna u din l-esperjenza ma tintilifx. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-volleyball.

Il-logħba tal-volleyball hija logħba interessanti ħafna. Minħabba l-aspett tal-logħba, li l-iskop huwa li dejjem iżżomm il-ballun ‘itir’, kull ftit sekondi għandek xi azzjoni interessanti qed tiġri. Għaldaqstant hija logħba sabiħa kemm biex taraha, tilgħabha jew inkella biex tkun parti mit-tim ta’ uffiċjali tal-logħba. 

Bħal kull sport ieħor trid impenn u sagrifiċċju biex dejjem tavvanza kemm jekk tkun atleta u anke jekk uffiċjal. Nappella li kull min ikun interessat li jilgħab jew li jidħol f’aspetti oħra tal-logħba biex jagħmel kuntatt mal-Assoċjazzjoni tal-Volleyball Maltija (MVA). It-triq ma kinitx faċli, imma xi ħaġa li jgħallmek l-isport hija li dejjem tibqa’ tipprova u fl-aħħar jirnexxielek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport