“Huwa ċar li t-turiżmu f’Malta mhux biss reġa’ lura b’saħħtu, minkejja diversi sfidi internazzjonali f’dawn l-aħħar snin, iżda qed jegħleb kull aspettattiva u jistabbilixxi livelli ġodda ta’ suċċess.” Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Awtorità Malija għat-Turiżmu (MTA) għal din is-sena.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru ta ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni tat-turiżmu f’pajjiżna kif ukoll lejn id-direzzjoni strateġika tal-Gvern għas-snin li ġejjin. Huwa qal li r-riżultati miksuba f’dan il-qasam mhumiex frott ta’ persuna jew entità waħda, iżda huma kisbiet t’impenn kollettiv.
“Ta’ spiss nisimgħu li mit-turiżmu, xi ftit jew wisq, jiekol kulħadd – jien ngħid li bl-istess mod għalhekk, it-turiżmu għandu sehem fih kulħadd, u meta r-riżultati jkunu tajbin, allura l-mertu għandu jinqasam bejn kulħadd ukoll,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Riżultati inkoraġġanti
Is-sena li għaddiet kienet waħda ta’ tkabbir notevoli; fil-fatt, kienet irreġistrata żieda f’kull suq. Fl-2024, Malta laqgħet rekord ta’ 3.56 miljun turist — żieda ta’ 19.5% fuq l-2023. In-nefqa totali tat-turisti laħqet €3.3 biljun, żieda ta’ 23.1% fuq is-sena ta’ qabel. Ta’ min ifakkar li fl-2023, in-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna kien diġà qabeż ir-rekord ta’ qabel il-pandemija, li kien intlaħaq fl-2019.
“Dan ifisser li mhux biss irkuprajna, iżda bqajna nkabbru t-turiżmu tagħna b’rata inkroraġġanti ferm. Dawn iċ-ċifri huma prova mhux biss tal-interess dejjem jikber lejn Malta bħala destinazzjoni turistika, iżda wkoll tal-istrateġiji effettivi li bħala pajjiż qed inwettqu,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“Rajna tkabbir sostanzjali fil-wasliet ta’ viżitaturi f’kull grupp ta’ età. L-akbar grupp kien dak ta’ bejn il-25 u l-44 sena, li rrappreżenta 36.6% (żieda ta’ 12.2%) u segwit minn dak ta’ bejn il-45 u l-64 sena, li sarraf f’29.5% tat-turisti (żieda ta’ 18.5%). Il-grupp ta’ dawk ta’ taħt il-25 sena rrappreżenta 24.2% (żieda ta’ 30.6%), waqt li l-grupp ta’ dawk ta’ 65 sena jew aktar ammonta għal 9.7% tat-turisti (żieda ta’ 27.1%).”
“Jidher b’mod ċar li Malta tibqa’ attrazzjoni ta’ turisti ta’ kull età, u għalhekk nikkonfermaw kemm huma effettivi l-inizjattivi tagħna biex nilħqu demografiji differenti. Hawn min jgħid li pajjiżna sar “party island”, bil-konnotazzjonijiet kollha li dan iġib miegħu – dawn il-figuri juru li r-realta m’hijiex hekk. Filwaqt li tajjeb li nibqgħu nattiraw liż-żgħażagħ, qed nuru li Malta hija destinazzjoni attraenti għall-etajiet kollha.”
Żidiet f’Għawdex ukoll
Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li l-aħħar statistika disponibbli (2023) tikkonferma li t-turiżmu f’Għawdex qed ikollu riżultati inkoraġġanti wkoll. It-turiżmu internazzjonali lejn Għawdex irreġistra żieda sinifikanti ta’ 28.6% meta mqabbel mas-snin ta’ qabel, u dan jixhed l-effettività tal-isforzi kontinwi minn dawk kollha involuti f’dan is-settur.
Barra minn hekk, figuri preliminari għax-xhur ta’ Jannar sa April 2025 jindikaw li n-numru ta’ turisti, kemm dawk li żaru għal ġurnata kif ukoll dawk li qagħdu għal lejl, li żaru Għawdex laħaq it-total ta’ 526,752, li jirrappreżenta 50.4% tat-total ta’ turisti li żaru l-Gżejjer Maltin f’dak il-perjodu. “Dawn il-figuri juru b’mod ċar li qegħdin nimxu fid-direzzjoni t-tajba, iżda nemmnu li Għawdex għandu potenzjal ikollu rwol akbar fl-industrija turistika tagħna,” tenna d-Deputat Prim Ministru.
Turiżmu tal-cruises
It-turiżmu bil-vapuri tal-passiġġieri (cruises) ra wkoll żieda sinifikanti. Fl-2024, Malta laqgħet 849,088 passiġġier minn vapuri tal-cruises. L-ewwel kwart tal-2025 diġà ra 84,597 wasla bil-cruises — żieda ta’ 10.5% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Din iż-żieda tirrifletti s-suċċess kontinwu ta’ Malta mhux biss bħala “port of call”, iżda wkoll bħala destinazzjoni b’potenzjal qawwi għall-home-porting, hekk kif qed jiġi propost ukoll fil-Viżjoni Malta 2050.
Għaliex riżultati ta’ kuraġġ?
Id-Deputat Prim Ministru sostna li dak li jagħmel dawn ir-riżultati aktar inkoraġġanti huma żewġ fatturi kruċjali: l-ewwel nett, li ż-żidiet li rreġistrajna ma kinux biss fil-‘peak season’, iżda rajna estenzjoni tal-istaġun turistiku għal matul il-kumplament tas-sena — fejn il- ‘low season’, ix-xhur meta tradizzjonalment kien ikollna l-inqas turisti, kiber b’rata doppja meta mqabbel mal-peak season.
It-tieni nett, ġew attirati numru dejjem jikber ta’ turisti li jagħżlu mawriet iqsar. B’riżultat ta’ dan, waqt li n-numru ta’ turisti żdied b’19.5%, in-numru totali ta’ ljieli li qagħdu f’pajjiżna żdied b’13%, filwaqt li n-nefqa totali żdiedet b’23.1%, jiġifieri €616.6 miljun aktar, biex kważi laħqet it-€3.3 biljun fl-2024.
“Dan ifisser li t-turisti tagħna nfirxu b’mod aktar bilanċjat matul is-sena kollha u nefqu b’mod sostanzjalment akbar, filwaqt li bħala medja qattgħu inqas iljieli kull wieħed — sitwazzjoni li tappoġġja mudell ta’ turiżmu aktar dinamiku, b’ċirkolazzjoni kontinwa u influss ogħla ta’ dħul fl-ekonomija Maltija,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“Irreġistrajna tkabbir minn kważi s-swieq ġeografiċi kollha tagħna. Kien hemm żidiet ta’ 165,000 turist mir-Renju Unit, 97,000 mill-Polonja, 63,000 mill-Italja, 30,000 mill-Ġermanja, 21,000 mill-Olanda, u 17,000 turist minn kull wieħed mill-Ungerija, Spanja u l-Belġju.
“Is-suq tal-Istati Uniti rreġistra żieda sinifikanti ta’ 20%, li tfisser 11,000 turist aktar minn dak irreġistrat is-sena ta’ qabel.”
Fost l-aqwa fl-Ewropa
“Filwaqt li aħna kbirna bi 19.5%, il-pajjiżi kompetituri tagħna kellhom tkabbir b’rati iktar baxxi: Spanja +10.1%, il-Portugall +6.3%, Ċipru +5.1%, it-Turkija +7%, is-Slovenja +8.5%, il-Kroazja +3.1%, il-Bulgarija +4.9% u l-Albanija +15.2%.
“Riżultati bħal dawn ma jiġux b’kumbinazzjoni, iżda huma frott ħidma intensiva u implimentazzjoni ta’ strateġija ċara. Dawn isiru saħansitra aktar sinifikanti meta nifhmu li l-akbar parti mit-tkabbir li ksibna seħħet matul ix-xhur tax-xitwa — perjodu meta l-kompetituri tagħna għadhom ibatu jew saħansitra jagħlqu kompletament,” tenna d-Deputat Prim Ministru.
L-ewwel xhur tas-sena 2025
Ħarsa lejn is-sena attwali, qed jiġ nnotat andament pożittiv ukoll. Statistika li ħarġet dan l-aħħar uriet li għalaqna l-ewwel kwart tas-sena b’żieda oħra ta’ 18.9% meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. “Nerġa’ nfakkar li dan kollu qed iseħħ matul ix-xhur tax-xitwa – l-aktar xhur li tradizzjonalment kienu jsofru fl-istaġun turistiku.
“Għal darb’oħra, komplejna mexjin fid-direzzjoni lejn btajjel iqsar, iżda b’aktar dħul. Filwaqt li fl-ewwel kwart tal-2019 turist kien joqgħod medja ta’ 6.6 iljieli, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena qagħad biss 5.7 iljieli – jiġifieri kważi jum inqas. Dan jippermettilna nattiraw aktar turisti u noħolqu ċiklu aktar vibranti ta’ turiżmu.
“Turisti li joqogħdu inqas iżda jonfqu aktar – kif jixhdu ż-żidiet fin-nefqa turistika: żieda totali ta’ 24.6%, żieda ta’ 4.8% għal kull turist u 7.5% fil-medja ta’ spiża għal kull lejl. Fi kliem ieħor, dak li qed jonfqu aktar qed jagħmluh waqt mawriet iqsar, sabiex iħallu impatt ekonomiku aktar b’saħħtu fuq pajjiżna,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Dwar il-konnettività bl-ajru, huwa semma kif illum il-ġurnata, għandna firxa wiesgħa ħafna ta’ servizzi bl-ajru, offruti minn linji nazzjonali, network airlines u oħrajn low-cost, li jgħaqqdu lil pajjiżna direttament ma’ madwar 110 ajruport barrani, il-maġġoranza assoluta minnhom matul is-sena kollha.
Permezz tan-network airlines, u l-code-sharing li jsir ma’ linji nazzjonali bħall-KM Malta Airlines, qegħdin ingawdu wkoll minn konnessjonijiet tajbin ma’ swieq u ajruporti aktar imbiegħda. Dan jippermettilna nkabbru swieq strateġiċi bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, il-Ġappun u diversi swieq oħra fl-Asja u fl-Amerika t’Isfel.
“Il-politika tagħna dwar il-konnettività tikkonsisti l-ewwel nett f’li nsostnu dak li diġà għandna, billi nkabbruh f’servizzi li joperaw matul is-sena kollha u b’frekwenzi aktar spissi. “
“It-tieni nett, naħdmu biex nirreġistraw load factors għoljin fl-operazzjonijiet kollha lejn Malta. Matul is-sena li għaddiet, ġarrejna kważi disa’ miljun passiġġier lejn u minn Malta b’load factor ta’ 86%. Din hija rata għolja ħafna li tgħin sabiex is-servizzi jkunu profittabbli u jħajru linji tal-ajru jew iżidu l-frekwenzi tagħhom jew idaħħlu ajruplani ikbar.”
“Aktar ma jkollna konnettività effiċjenti u estensiva, aktar it-turiżmu tagħna jikber b’mod sostenibbli u jkompli jimraħ,” tenna d-Deputat Prim Ministru Borg.
Huwa semma wkoll rotot ġodda importanti li ddaħħlu jew li se jiddaħħlu dalwaqt. Dawn jinkludu, fost oħrajn, il-konnessjoni tal-Aer Lingus minn Dublin, il-LOT minn Varsavja, u l-Qatar Airways minn Doha — apparti żidiet oħra minn diversi swieq Ewropej. F’dan il-kuntest, tispikka l-ħidma li ssir mill-MTA flimkien mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Riklamar barra l-pajjiż
Barra minn hekk, qed tkompli l-ħidma biex isem Malta tissaħħaħ bħala destinazzjoni turistika li toffri esperjenzi mill-isbaħ matul is-sena kollha. “Il-kampanji ta’ riklamar tagħna saru aktar immirati lejn persuni b’interessi partikolari, minn pajjiżi partikolari, u bbażati fuq l-istatistika (data driven).
“Fost oħrajn, riċentament kellna xandiriet diretti waqt breakfast shows fl-Istati Uniti, reklamar diġitali fi bliet ewlenin bħal Londra, Pariġi, Varsavja u Milan, produzzjonijiet televiżivi u reklamar f’pajjiżi bħar-Renju Unit, l-Italja u l-Istati Uniti, kif ukoll kampanji fuq skala kbira ma’ pjattaformi globali bħal Expedia, Skyscanner u TravelZoo.
“Qed inżidu wkoll l-isforzi tagħna fis-swieq long-haul, jiġifieri dawk li jżuruna minn pajjiżi ‘l bogħod. Permezz ta’ sħubijiet kummerċjali, attivitajiet diġitali u parteċipazzjoni f’fieri internazzjonali, Malta qed tkabbar il-preżenza tagħha fl-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel, fl-Awstralja, fiċ-Ċina, fil-Ġappun, fil-Korea t’Isfel, fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE) u fil-Qatar. Dawn is-swieq jirrappreżentaw potenzjal ta’ tkabbir strateġiku, speċjalment fin-nefqa turistika.”
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li Għawdex ukoll qed ikun ċentrali fir-riklamar turistiku tagħna f’pajjiżi oħrajn. B’kollaborazzjoni mal-entitajiet rispettivi f’Għawdex, qed naraw li nippreżentaw lil Għawdex ukoll bħala destinazzjoni distinta. Fost oħrajn fix-xhur li għaddew, Għawdex kien suġġett ewlieni fis-sehem ta’ pajjiżna fil-fiera ITB Berlin, l-akbar fiera tal-ivvjaġġar fid-dinja. Din l-enfasi fuq Għawdex qed twassal biex aktar u aktar turisti jżuru din il-gżira, kif spjegajt.
It-triq ‘il quddiem
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru qal li fix-xhur li ġejjin se titkompla l-ħidma biex tiżdied il-konnettività tal-ajru u l-frekwenzi tar-rotot, tkompli titjieb ntejbu l-esperjenza ta’ dawk li jżuruna, u jitniedu kampanji tematiċi fuq niceċ ġodda u oħrajn li qed jiżdiedu fil-popolarità, bħall-gastronomija, il-wirt kulturali, it-taħriġ fiżiku, sports u l-benessere, u t-turiżmu reliġjuż, fost oħrajn.
Barra minn hekk, permezz ta’ ħidma mal-kunsilli lokali, l-imsieħba soċjali, il-biedja u l-artiġjanat, qed ikun hemm investiment fit-turiżmu mifrux b’mod aktar wiesa fil-komunità u f’esperjenzi speċjalizzati li jqassmu l-benefiċċji tat-turiżmu b’mod aktar bilanċjat madwar il-gżejjer tagħna.
“Il-figuri li ppreżentajna huma xhieda ċara ta’ industrija li mhux biss qed tikber, iżda qed tagħmel dan b’mod sostenibbli, strateġiku u inklussiv. Permezz tal-Viżjoni Malta 2050, qed nimpenjaw ruħna li bħala pajjiż, nibqgħu naħdmu lejn din it-tranżizzjoni gradwali lejn turiżmu ffukat fuq esperjenzi ta’ valur ogħla, b’attivitajiet u attrazzjonijiet aktar awtentiċi, b’enfasi fuq il-karatteristiċi verament Maltin u Għawdxin, li ma ssibhom fl-ebda destinazzjoni oħra.
“Turiżmu li allura jfisser ukoll aktar sostenibilità – turiżmu li għandu interess dirett li jipproteġi u jseddaq il-patrimonju naturali, storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Turiżmu fejn is-sabiħ ta’ pajjiżna isir il-materja prima tal-industrija tat-turiżmu, u għalhekk, b’impenn ferm akbar biex nipproteġuh għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.