Meta Malta kisbet l-indipendenza u l-ħelsien, is-settur tat-turiżmu beda jkollu rwol ċentrali fil-mod kif pajjiżna ried jevolvi u jiżviluppa ekonomikament. Dak iż-żmien, konna għaddejjin minn bidla profonda – minn ekonomija bbażata fuq il-preżenza militari għal waħda mibnija fuq il-ħolqien tax-xogħol u l-attrazzjoni ta’ setturi ġodda. Kien f’dak il-mument li Malta fehmet li wieħed mill-pilastri tal-progress tagħha seta’ jkun it-turiżmu. Malta bħala destinazzjoni unika fil-Mediterran, magħrufa għall-ospitalità, il-wirt storiku u s-sbuħija tagħha.
Għalkemm ma kellniex riżorsi naturali, bħala pajjiż irnexxielna nibnu fuq dak li għandna l-aktar għażiż: l-istorja tagħna u n-nies tagħna. Għexieren ta’ snin ilu, it-turiżmu kien wieħed staġjonali, bi stabbilimenti li jiftħu biss għal xi xhur fis-sena. Illum, grazzi għall-impenn ta’ Gvernijiet diversi u tal-operaturi kollha li b’kuraġġ investew f’dan is-settur, il-pajjiż sar destinazzjoni turistika ta’ suċċess tul is-sena kollha.
Illum l-isfida ewlenija mhijiex aktar kif inġibu aktar turisti, iżda kif nattiraw turiżmu ta’ kwalità ogħla. Turiżmu li japprezza dak li noffru u li jħalli impatt ekonomiku, soċjali u kulturali sostenibbli. Dan ifisser li rridu nkomplu naħdmu fuq diversi aspetti: aktar konnettività bl-ajru u bil-baħar, trasport intern aħjar, akkomodazzjoni ta’ livell għoli u esperjenza awtentika għal kull min jiġi jżur lill-gżejjer tagħna.
Malta għandha dan il-vantaġġ: f’qasir żmien u f’distanzi qosra tista’ tgħaddi minn 7,000 sena ta’ storja. Minn siti preistoriċi għal fortizzi, minn knejjes barokki għal mużewijiet differenti, kull rokna ta’ pajjiżna għandha storja x’tirrakkonta. Dan il-wirt huwa t-teżor tagħna, u għandna obbligu li nħarsuh u nżommuh ħaj.
F’dawn l-aħħar snin, b’appoġġ qawwi mill-fondi Ewropej, Malta għamlet passi kbar biex issaħħaħ isimha bħala destinazzjoni ta’ kultura u storja. Insemmu xi eżempji:
is-Swar tal-Belt Valletta, iċ-Ċittadella f’Għawdex, il-Forti Sant’Anġlu u l-Sant’Iermu, kif ukoll il-proġetti ta’ restawr ta’ torrijiet storici bħal Wignacourt Tower f’San Pawl il-Baħar, it-Torri Aħmar u t-Torri ta’ San Tumas f’Marsaskala li ġie ttrasformat f’mużew tal-piraterija.
Investimenti oħra ta’ impatt kbir saru fil-MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, fil-Palazz tal-Gran Mastru, u fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn inħoloq il-Caravaggio Centre fost restawr estensiv. Barra minn hekk, saret ħidma fuq ir-riġenerazzjoni ta’ siti ambjentali bħal dak taċ-Chadwick Lakes u l-Aħrax tal-Mellieħa. Saru wkoll programmi estensivi ta’ restawr ta’ diversi knejjes b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, li jlaħħqu madwar erba’ miljun ewro.
Proġett ieħor riċenti ta’ importanza storika huwa dak ta’ Villa Guardamangia – dar li tgħaqqad l-istorja Maltija ma’ dik Brittanika – li qed tiġi rrestawrata b’investiment ta’ €10 miljun.
Il-fondi Ewropej għandhom sehem ewlieni fil-proċess biex nikkonservaw il-wirt storiku tagħna, mhux biss fl-infrastruttura u l-konservazzjoni, iżda wkoll fil-bini tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu. Fl-aħħar jiem kelli l-opportunità nilqa’ fil-binja tal-Ministeru, lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Roxana Mînzatu, fejn tkellimna proprju fuq l-importanza ta’ dawn il-fondi biex inkomplu ntejbu l-ħiliet u l-kompetittività tal-ħaddiema fis-settur.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar: it-turiżmu jibqa’ wieħed mill-pilastri tal-ekonomija tagħna, iżda jeħtieġ li nkomplu naħdmu b’serjetà u viżjoni fit-tul biex dan is-settur jibqa’ wieħed sostenibbli, bbażat fuq il-kwalità, ir-rispett lejn l-ambjent u l-ħarsien tal-wirt li jiddistingwi lil Malta u lil Għawdex minn kull destinazzjoni oħra.
It-turiżmu ma nistgħux inħarsu biss lejh bħala parti sostanzjali mill-ekonomija tagħna. Aktar minn hekk, huwa wkoll mod kif inħarsu lejn min aħna – pajjiż żgħir b’qalb u storja kbira.