Friday, July 11, 2025

It-turiżmu jkompli jadatta biex isaħħaħ ir-reżiljenza soċjoekonomika ta’ Malta

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jiddiskuti l-Viżjoni Malta 2050 mal-imsieħba fl-industrija turistika

Aqra wkoll

Billi tħares lil hinn mill-volumi, lejn direzzjoni aktar selettiva li tattira turisti li jfittxu esperjenzi uniċi Maltin u Għawdxin, il-Viżjoni Malta 2050 qed tidderieġi lit-turiżmu sabiex ikompli jappoġġja r-reżiljenza soċjoekonomika ta’ Malta.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, enfasizza l-importanza ta’ din id-direzzjoni lejn valuri ogħla, reżiljenza u sostenibbiltà, waqt laqgħa mal-imsieħba involuti fl-industrija tat-turiżmu, sabiex jiddiskutu l-Viżjoni Malta 2050, li ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika aktar kmieni din is-sena.

Dr Borg fakkar li t-turiżmu jibqa’ pilastru ewlieni fil-ħajja ekonomika u soċjali ta’ Malta, b’benefiċċji li jinfirxu ferm lil hinn mill-ħaddiema direttament impjegati fl-industrija, u jilħqu bosta setturi oħra tal-ekonomija. It-turiżmu jiżgura wkoll il-konnettività b’saħħitha ta’ Malta mal-bqija tad-dinja, filwaqt li jiġġenera n-numri ta’ konsumaturi meħtieġa biex jippermettu l-ekosistema soċjoekonomika vibranti u diversifikati li jgawdi l-pajjiż.

“Fis-snin li ġejjin, it-turiżmu jeħtieġ ikompli jadatta, billi jmur lil hinn milli jattira l-volumi għal direzzjoni aktar selettiva li tippreżenta lil Malta u Għawdex bħala destinazzjoni għal vjaġġaturi li ifittxu dak li jagħmel lil Malta unika u distinta mill-kompetituri tagħha,” spjega d-Deputat Prim Ministru, “u dawn it-turisti jgħinuna nagħtu iżjed valur, inħarsu u ninvestu aktar f’dawn l-elementi uniċi, biex niżguraw il-preservazzjoni tagħhom għall-futur. Turisti bħal dawn ikunu wkoll lesti li jagħtu valur ogħla għall-esperjenzi tagħhom f’Malta, li twassal għal iktar ġid fl-ekonomija.”

Permezz ta’ din id-direzzjoni, it-turiżmu se jkompli jkollu rwol kruċjali lejn żvilupp soċjoekonomiku aktar reżiljenti, l-għan ewlieni tal-Viżjoni Malta 2050, żied jgħid Dr Borg.

Is-Segretarju Permanenti għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, qal li filwaqt li t-turiżmu huwa wieħed mill-indikaturi li permezz tiegħu normalment jitkejjel is-suċċess ekonomiku, il-Viżjoni Malta 2050 tkejjel is-suċċess ibbażat fuq il-kwalità tal-ħajja. “Din l-industrija hija fil-qalba tal-Viżjoni Malta 2050 hekk kif tifforma parti mill-pilastri kollha tagħha, kemm jekk qed inħarsu lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli, lejn servizzi li jżommu fiċ-ċentru tagħhom il-benesseri tal-persuna, ir-reżiljenza tal-pajjiż tagħna u anke fir-rigward tal-użu intelliġenti tal-art u l-baħar. Dan kollu jiċċentra mal-kwalità tal-ħajja, u meta niddiskutu l-futur tat-turiżmu, naraw tkabbir kemm fil-kwalità tat-turisti infushom u anke fil-mod ta’ kif igawdu pajjiżna u l-esperjenza li noffru,” stqarr is-Sur Mizzi.

Il-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa kienet indirizzata wkoll mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u d-Deputat Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef u Leslie Vella, l-ekonomista Dr Jonathan Spiteri, u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti ta’ Malta (MHRA), Andrew Agius Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport