Wieħed mis-setturi li l-aktar kien milqut mill-pandemija tal-Covid-19 kien dak tat-turiżmu. Ir-restrizzjonijiet li kellhom jiddaħħlu biex titrażżan l-imxija tal-virus wasslu biex in-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna naqsu, u naqsu bil-kbir.
Minkejja dan, l-istatistika qiegħda turi kif it-turiżmu fl-aħħar xhur kompla jieħu spinta ‘l quddiem u dan grazzi għan-numri li qed jiġu reġistrati kemm f’dawk li huma wasliet mit-turisti kif ukoll fil-perjodu ta’ żmien li dawn qattgħu f’pajjiżna.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn it-total ta’ passiġġieri li waslu f’Malta s-sena li għaddiet bil-cruiseliners, wieħed jinnota li kien hemm żieda sinjifikanti meta mqabbel mal-2020, iżda għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Fil-fatt, statistika tal-NSO turi li fl-2021, it-total ta’ passiġġieri li ġew Malta bil-cruise-liners kien dak ta’ 141,917, li huwa aktar mid-doppju ta’ dak reġistrat fl-2020 iżda ħafna inqas mill-2019 meta kienu ġew xejn inqas minn 765,696 passiġġier.
Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwardja l-ivvjaġġar bl-ajru, statistika riċenti wriet kif l-ammont ta’ turisti li waslu f’pajjiżna fi Frar li għadda kien jiżboq bil-bosta dak reġistrat fl-istess xahar tal-2021. Fil-fatt fi Frar 2022 waslu Malta 64,623 turist mentri fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel kienu waslu 9,151 turist.
Issa li ninsabu f’dan il-perjodu l-Għid, u ftit ġimgħat qabel il-bidu tas-sajf, l-indikazzjonijiet qed juru li t-turiżmu se jkompli jirranka bil-mod il-mod. Fil-fatt, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia stqarr ma’ dan il-ġurnal li l-okkupanza ta’ kmamar fil-lukandi f’Malta u Għawdex tidher li se tkun tajba, anzi aħjar milli wieħed stenna. Meta tqis li għad hemm xi ftit restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ u anke xi żidiet fil-varjant tal-Omicron madwar l-Ewropa, din il-figura hi waħda ferm inkoraġġanti.
B’dan kollu f’moħħna ninsabu ottimisti li din is-sena se tkun waħda tajba ferm għas-settur tat-turiżmu. Nemmnu li jekk inkomplu mexjin f’din it-triq li qbadna, se nkunu nistgħu nerġgħu naraw numri li jqarrbu dawk reġistrati qabel bdiet il-pandemija.