Meta nitkellmu dwar it-turiżmu ħafna drabi l-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna jkunu l-għadd ta’ turisti li jżuru dawn il-gżejjer. Dan hekk kif minn xahar għall-ieħor, sena wara l-oħra, qegħdin nesperjenzaw żieda fit-turisti. Turija ta’ kemm il-pajjiż qed ikompli jeċċella f’dan il-qasam li huwa importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-istatistika turi li n-numru ta’ wasliet ta’ turisti fl-ewwel kwart ta’ din is-sena qabeż is-700,000, li jfisser żieda ta’ 20.4% meta mqabbla mal-ewwel kwart tas-sena 2024. L-infiq reali tal-ewwel kwart tal-2025 żdied b’22.5%.
Għalhekk l-andament turistiku għal din is-sena diġà qed juri xejriet mill-aktar pożittivi, kif nistennew ukoll f’dan iż-żmien tas-sena fejn l-influss tat-turisti jkun wieħed aktar b’saħħtu. Dan pajjiżna rnexxielu jiksbu minkejja diversi sfidi internazzjonali f’dawn l-aħħar snin, u b’hekk qed jirnexxielu jegħleb kull aspettattiva u jistabbilixxi livelli ġodda ta’ suċċess.
B’dan kollu f’moħħna iżda m’għandniex ninsew ukoll it-turiżmu domestiku, f’dak li jirrigwardja residenti Maltin li jagħżlu li jaqsmu l-fliegu u jqattgħu xi ġranet f’Għawdex jew viċi versa. Fost l-oħrajn, in-numri qed juru li Għawdex għadu destinazzjoni popolari ferm mal-Maltin u anke t-turisti u għalhekk huwa essenzjali li tissokta l-ħidma biex inkomplu nippromwovu lil dawn il-gżejjer bħala destinazzjoni unika.
Fil-frattemp, illum għandna l-lussu wkoll li nagħżlu mhux kemm ġejjin ammonti ta’ turisti, imma x’tip ta’ viżitatur irridu xi profil iġorru magħhom. Għandna din l-opportunità li nieħdu t-turiżmu fil-livell li jmiss, bl-enfasi fuq il-kwalità fis-servizz offrut.
Għalhekk, irridu nibqgħu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus, fejn nagħtu lit-turist dak li qed jistenna għall-flus li jħallas. Wara kollox, turist kuntent, jerġa’ jiġi f’pajjiżna u anke jirrakkomanda pajjiżna lil oħrajn.
F’dan l-isfond, il-ħtieġa ta’ aktar aġġornament fil-prodott turistiku tagħna għandha tibqa’ hemm u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri. Nemmnu li dan huwa essenzjali anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet li għandu l-Gvern fosthom li joffri settur turistiku ta’ eċċellenza.
Kruċjali tibqa’ wkoll il-ħidma biex titkattar iżjed il-konnettività bl-ajru, li tgħin biex tmexxi ’l quddiem il-kummerċ u t-turiżmu kif ukoll biex jitkabbru l-iskambji edukattivi u l-innovazzjoni. Għalhekk ninsabu ottimisti għalhekk li din is-sena se terġa’ tkun sena oħra b’saħħitha f’dan is-settur, kif wara kollox kienet is-sena 2024.