Meta nitkellmu fuq il-Budgets li jsiru, ħafna drabi nintilfu fuq id-dettalji li jkunu inħarġu dakinhar li jitħabbar. Dettalji marbutin ma’ benefiċċji jew deċiżjonijiet oħra li jkun se jieħu l-pajjiż. Deċiżjonijiet li ovvjament b’mod jew b’ieħor ikunu se jolqtu sezzjonijiet sħaħ tal-poplu.
Wieħed iżda m’għandux jara dan biss. Hemm punt ieħor li wieħed irid janalizza. Minn dak li jkun tħabbar kemm se jitwettaq minnu? Din hi domanda li ħafna drabi ma ssirx jew ma ssirx biżżejjed. Hi mistoqsija importanti għax importanti li tħabbar proġetti u miżuri imma tkun għalxejn jekk għal xi raġuni jew oħra ma jitwettqux.
Hu fatt pożittiv li meta wieħed iħares lejn il-Budgets tas-snin li għaddew, jitwettqu 84 fil-mija tal-miżuri. Dan ifisser li l-parti l-kbira ta’ dak imħabbar jitwetttaq.
Hu fatt pożittiv li mhux biss nisimgħu dwar it-twetttieq tal-Budget iżda tijib fl-istess implimentazzjoni. Kien hemm żmien meta dak imħabbar ħafna minnu jibqa’ għaddej fl-arja. Konna nibqgħu nisimgħu bih sena wara sena f’Budget oħrajn imma ma jitwettaqx.
Il-ħidma ta’ dak li tħabbar fil-Budget, mhijiex ħidma li tinvolvi biss xi dipartiment jew direttorat wieħed. Tinvolvi gvern sħiħ u għalhekk wieħed jista’ jgħid li hija kordinament bejn id-direttorati u l-Ministeri.
Quddiem dan kollu nistgħu ngħidu li dawn il-miżuri li tħabbru kienu xprunati mill-ħidma tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, li jfassal il-Budget li l-għan tiegħu ikun li jnindirizza l-bżonnijiet u l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin.

