Il-ħidma ma taqta’ xejn tal-Partit Laburista fil-Gvern, biex jitwettqu kemm jista’ jkun il-wegħdiet li kien hemm imniżżla fil-manifest elettorali tal-elezzjoni ġenerali tal-2022, s’issa diġà qabżu sew is-70% fit-twettiq tagħhom, li fil-maġġoranza kbira huma miżuri elenkati fl-aħħar erba’ budgets. Minkejja dan kollu iżda, għad fadal ferm aktar xi jsir l-iktar f’dawk li huma proġetti ta’ natura kapitali, proġetti, li l-ispiża tagħhom tlaħħaq bejn l-€10 u l-€25 miljun kull wieħed.
Ta nota kie li f’dawn l-aħħar ġimgħat, ingħatat attenzjoni partikolari lill-proġett estensiv tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li dwarha diġà inħarġet impressjoni artistika ta’ kif mistenni jkunu l-inħawi tal-Port il-Kbir fejn anke tnediet ukoll konsultazzjoni pubblika biex finalment il-proġett ikun skont ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tan-nies u n-negozji.
Biex il-miżuri li ġew imwiegħda fil-manifest ikomplu jintensifikaw, hemm bżonn li tintefa’ attenzjoni akbar fuq proġetti kapitali oħra. Dawn il-proġetti għalkemm ix-xogħol inizjali fuq uħud minnhom għadu għaddej, b’danakollu jixhdu l-ambizzjoni u l-ħeġġa ta’ dan il-Gvern li jkompli jbiddel u jġedded lil pajjiżna għas-snin li ġejjin.
Fost dawk li twettqu s’issa, hemm il-wegħdiet sinifikanti bħaż-żieda rekord fl-allowance tat-tfal, tnaqqis sostanzjali fit-taxxa tad-dħul, żidiet kontinwi fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali oħra u ferm aktar minn hekk, li jinkludi wkoll titjib fil-qasam tal-ambjent b’investiment qawwi f’ġonna u spazji ħodor u miftuħa għat-tgawdija tal-familji Maltin u Għawdxin.
Minbarra dan, hemm ukoll proġetti oħra ewlenin li l-Gvern qiegħed iħares lejhom għaż-żmien li ġej, u li jmorru lil hinn minn leġiżlatura waħda, kif proprju kien elenkat fil-Viżjoni Malta 2050, li tnediet ftit tal-jiem ilu mill-Prim Ministru Robert Abela.
Għalkemm għad fadal xi jsir biex il-manifest elettorali jitwettaq fl-intier tiegħu, irridu nirrikonoxxu li dak kollu li diġà mwettaq huwa indikazzjoni ċara li dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed u jwiegħed biss dak li jkun jista’ jwettaq.
Għandna għax nifhmu li l-ħidma se tkompli biex jitwettqu kemm jista’ jkun wegħdiet mill-manifest elettorali li l-għan proprju tagħhom huwa l-kwalità tal-ħajja dejjem aħjar tal-familji Maltin, it-tisħiħ tan-negozji u l-kwalità itjeb tal-ambjent fiżiku li ngħixu fih.

