Monday, December 23, 2024

Italja v Maċedonja: Il-goalkeeper riserva tal-Maċedonja lagħab ma’ Birkirkara u Balzan

Aqra wkoll

L-eks goalkeeper ta’ Birkirkara u Balzan, Kristijan Naumovski (ritratt), kien parti mill-iskwadra tal-Maċedonja ta’ Fuq li għelbet lill-Italja fis-semi-finali tal-play-off tat-Tazza tad-Dinja nhar il-Ħamis li għadda meta rebħulhom b’goal uniku fl-aħħar ħinijiet f’Palermo, u eliminawhom mill-finali Mon­djali.

B’hekk huwa t-tielet goalkeeper barrani li lagħab f’Malta u ġie magħżul minn pajjiżu biex jieħu sehem f’kompetizzjoni internazzjonali bl-oħrajn ikunu Murphy Akanyi li kien lagħab fil-finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, man-Niġerja meta kien qed jilgħab ma’ Sliema Wanderers.

L-ieħor huwa Ibrahim Kone, li dan l-istaġun jinsab ma’ Hibernians wara li fl-istaġun ta’ qabel kien lagħab tliet logħbiet ma’ Zejtun Corinthians.

Kone kien riserva mal-Guinea fil-finali tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani wkoll li saret f’Jannar u Frar li għaddew.

Naumovski lagħab sitt logħbiet mal- Maċedonja fejn iddebutta kontra l-Kanada f’Novembru 2009 u l-aħħar li lagħab kien kontra l-Awstralja f’Marzu 2015, bit-tnejn ikunu partiti ta’ ħbiberija.

Naumovski, li għandu 33 sena, lagħab ma’ Birkirkara bejn Diċembru 2017 u Mejju 2019. Magħhom huwa lagħab 41 logħba li kienu jinkludu 16-il clean sheets u wara ngħaqad ma’ Balzan fejn magħhom lagħab 16-il logħba u skorja goal … li wasal nhar l-14 ta’ Settembru, 2019, kontra l-eks team Birkirkara meta fil-95 minuta ħareġ minn postu u proprju kiseb id-draw ta’ 3-3 għall-Balzanin. 

Barra minn hekk Naumovski lagħab ukoll ma’ FK Rabotnicki Skopje, FC Dinamo Bucharest, Levski Sofia u Hong Kong Pegasus. Illum jilgħab ma’ KF Xhkupi.

Il-kontribut tiegħu ma’ Birkirkara jinkludi li għenhom jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej u anke jaslu sal-finali tal-FA Trophy.

Min-naħa l-oħra huwa kien tilef postu mal-Istripes wara li ma’ dawn kien ingħaqad l-goalkeeper internaz­zjonali Malti, Andrew Hogg.

Ekonomija

Sport