Thursday, December 26, 2024

Itenni dwar il-bżonn ta’ lqugħ għall-ekonomija… f’ġimgħa l-gwerra stmat li se tiswiena €200 miljun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt dibattitu aktar kmieni, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gwerra fl-Ukrajna qiegħda tinkwetah aktar mill-mod ta’ kif żviluppat il-pandemija mil-lat ekonomiku u dan proprju għaliex kif qiegħda tiżvolġi l-affari, m’għadhiex gwerra biss bil-bombi iżda waħda ekonomika li l-impatt tagħha mhuwiex se jkun żgħir.

Il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern se jkun qiegħed jagħmel minn kollox biex isalva l-ekonomija u dan mhux biex jisraq l-attenzjoni, iżda għax konxju tad-daqqa kbira li dan kollu se jikkawża.

Fakkar il-€200 miljun allokati fil-budget biex jagħmlu tajjeb għaż-żidiet antiċipati minħabba l-Covid-19. Huwa żied jgħid li f’ġimgħa waħda l-gwerra se tiġi tiswiena €200 miljun u dan biss f’ġimgħa waħda. 

“Il-gwerra u l-mod ta’ kif qiegħed jogħla l-fuel, iċ-ċereali u l-qmuħ, jidher bl-aktar mod ċar li l-inflazzjoni fid-dinja hija xi ħaġa li qatt ma rajnieha u qiegħed ngħid hekk mhux biex inwerwer. Qiegħed ngħid hekk għaliex dan il-gvern qiegħed janalizza s-sitwazzjoni mill-qrib u mhuwiex biss iffukat fuq l-elezzjoni”, kompla jgħid Caruana filwaqt li qal li l-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li niffukaw fuq ħaġa u li ninjoraw ħwejjeġ oħra.

Sostna li l-għajnuna lin-nies mhijiex stunt politiku u 99.9 fil-mija aktar tard din is-sena se jkun hemm bżonn li tinħareġ aktar għajnuna biex tilqa’ għal dan l-impatt.

Huwa kien ċar li se jkun hemm xi spejjeż li jinfiltraw fin-negozji, iżda l-agħar ħaġa tkun jekk id-domanda għal żidiet fil-pagi jisplodu u n-negozji tagħna ma jibqgħux kompetittivi.

Huwa qal li pajjiżi oħra mhumiex jgħinu għax qatgħu nifishom u għandhom wisq toqol li ma jifilħux jgħinu iżjed. 

Rigward l-elezzjoni fid-dawl ta’ dan kollu, Caruana qal li dak kollu li qegħdin iwiegħdu qegħdin jaraw li l-pajjiż ikun jiflaħ għalih għax bil-mod kif ġiet il-pandemija u issa l-gwerra jeħtieġ li kull deċiżjoni tittieħed bi ħsieb.

Huwa ma eskludiex ukoll li l-Bank Ċentrali Ewropew minn hawn u ftit tax-xhur oħra jgħolli l-interessi wkoll u dik tkun daqqa ta’ ħarta oħra.

Caruana kompla biex jgħid li ma jistax ikun li ż-żewġ partiti jispiċċaw fl-istess basket għall-mod ta’ kif jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Hawnhekk fakkar dwar kif 14-il sena ilu l-prezz taż-żejt kien ogħla, żdiedu l-prezzijiet tal-enerġija u n-nies spiċċaw jitkellmu waħidhom b’ekonomija staġnata mingħajr ma ġew onorati l-wegħdiet elettorali.

“Aħna ma għamilniex hekk, nerġa’ ngħid is-26 ta’ Marzu jgħaddi, inkunx hemm jien jew le dak jarawh in-nies. Imma l-politika tagħna hija ċara u hemm ċans li nitilfu dak kollu li salvajna”, tenna Caruana filwaqt li reġa’ sostna l-bżonn li l-pajjiż jilqa’ għad-daqqa mistennija biż-żieda fil-prezzijiet fuq livell internazzjonali. 

Ekonomija

Sport