Sa minn ċkunitu esperjenza s-sitwazzjoni diffiċli fid-Darfur fis-Sudan. Missieru u ħuħ il-kbir inqatlu. Ommu flimkien ma’ Fahim u ħuħ iż-żgħir kellha titlaq lejn żona oħra. Il-ħajja kienet diffiċli. Kif tfarfar ftit, eżattament meta kellu 14-il sena mar lejn Kharthoum biex jaħdem u b’hekk jgħin lill-familja finanzjarjament. Meta ma kienx ikun qed jaħdem kien jirritorna fejn ommu. Sab l-imħabba ta’ ħajtu. Tfajla Għarbija. Taqqalha iżda minħabba li l-familja tat-tfajla kienu jqisu lill-Afrikani bħala inferjuri m’aċċettawx dan. Riedu joqtluh. Marru għalih u kellu jaħrab lejn Khartoum. Marru hemm għalih ukoll. Kien il-mument li kellu jaħrab mill-pajjiż. Mar iċ-Ċħad u wara l-Libja, fejn spiċċa maħtuf, msawwat u anke ittorturat bix-xokkijiet. Beda jaħdem b’xogħol sfurzat minn milizzja, sakemm jifdi lilu nnifsu. Irnexxielu jaħrab. Qabad id-dgħajsa u flok l-Italja spiċċa f’Malta.
Minn Malta ried jara kif jagħmel biex jaħrab. Irnexxielu jagħmel dan billi ħarab ġo kontejner, li minn Malta mar lejn Ġenova. Spiċċa Franza f’Calais u wara qasam b’dgħajsa lejn ir-Renju Unit iżda inqabad mill-forzi tal-ordni. Illum hu wieħed minn dawk li qed jiffaċċja it-theddida tal-Gvern Ingliż li jkun deportat lejn l-Rwanda.
L-istorja ta’ Fahim hi storja ta’ qsim il-qalb. Storja li turik id-determinazzjoni ta’ żagħżugħ li jagħmel xi ħaġa b’ħajtu. Ifittex dak il-post sigur biex ikun jista’ jgħix. Terraq u qasam minn pajjiż għal ieħor. Meta jaħseb li kważi kien wasal biex jibda l-ħajja li dejjem ħolom biha, li dejjem xtaq, isib ma’ wiċċu tħeddida kbira. Dik ta’ ripatrijazzjoni lejn l-Rwanda, theddida li qed issir mill-Gvern Ingliż.
”Tlift lil missieri u lil ħija l-kbir fil-kunflitt tad-Darfur”
‘Għandi kważi 24 sena. Twelidt id-Darfur u għaddejt ħafna mit-tfulija tiegħi f’żoni fid-Darfur. Meta kont għadni żgħir tlift lil missieri u lil hija l-kbir fil-kunflitt li kien hemm fid-Darfur. Minħabba dan ommi qabdet lili u lil hija iż-żgħir u marret tgħix f’post ieħor. Kien diffiċli ħafna għal ommi li tmur tgħix f’post ieħor bi tfal żgħar. Konna litteralment waħidna. Ma kinitx faċli tidra lil dawn in-nies ġodda. Ommi kienet bdiet taħdem fl-għelieqi u ħija u jien konna nmorru ngħinuha. Kien xogħol iebes ħafna b’mod partikolari fl-istaġun tax-xita. Bħala familja ma kellniex għelieqi jew art fejn inkabbru l-prodotti u għalhekk konna naħdmu fl-għelieqi ta’ ħaddieħor. Konna naqsmu dak li nkabbru magħhom.”
Ħassejt li kelli nagħmel aktar għall-familja
It-tbatija u d-dħul mill-għelieqi ma kiex wieħed tajjeb. Fahim, meta kellu 14-il sena dehru li kellu jagħti aktar sehmu għall-familja. Quddiem dan il-ħsieb, hu kien qed jaħseb kif se jgħin lil ommu u ħuħ b’mod finanzjarju. Hu irħielha lejn Khartoum. Hemmhekk sab xogħol. Kien xogħol għas-sajf biss u għalhekk fl-istaġun l-oħra kien jerġa’ jirritorna ħdejn ommu u ħuħ.
Il-mistoqsija li ssir lil Fahim hi għaliex tlaqt mis-Sudan?”
Meta tistaqsieh din id-domanda Fahim, jibda jitkellem fuq kif sar iħobb tfajla. “Fejn kont ngħix ma’ ommi, inġbidt lejn tfajla. Kont inħossni komdu magħha. Bdejt nitkellem u niftaħ qalbi magħha fuq il-biżat li kien ikolli. Fuq dak li kien jinkwetani u jħassibni. Dik kienet il-mara ta’ ħajti. Imma keinet minn tribu differenti. Kien ġejja minn tribu Għarbi. Dan kien jitqiesu bħala li huma aħjar minnu. Kienu stmati aktar minna l-Afrikani. Bqajt għaddejjin bir-relazzjoni tagħna u hi inqabdet tqila”.
Kif semgħu li binthom hi tqila il-familja tagħha riedu joqtluni
Fahim jirrakkonta li kif il-familja tat-tfajla tiegħu ġew infurmati li kienet tqila minnu dawn ma aċċettawhiex u riedu joqtluh. Jien kont lest nieħu ħsiebha iżda huma ma kienux lesti għal dan il-pass. Dan għax huma kienu jħossu li huma superjuri. Dawn ġew għalija biex jattakkawni. Jien kelli naħrab. Irritornajt lura lejn Khartoum. Biss huma ma qatgħux qalbhom u ġew għalija hemmhekk ukoll. Meta indunajt b’dan rajt li ma kienx se jkun aktar sigur għalija li nibqa’ fis-Sudan. Iddeċidejt li naħrab. Mort mal-fruntiera taċ-Chad u qsamt għal hemm. Il-ħajja fiċ-Chad kienet iebsa ħafna. Il-ħajja kienet diffiċli ħafna hemm. Kien minħabba dan li ddeċidejt li naqsam lejn il-Libja”.
Ħatfuni milizzja partikolari… sawtuni u ttorturawni bl-elettriku u nar
Jenfasizza li lanqas fil-Libja is-sitwazzjoni xejn ma kienet faċli. “Ħatfuni milizzja partikolari u domt tlett xhur miżmum. Sawwtuni u ttorturani bl-elettriku u bin-nar. It-torturi ma kellhomx ħin filgħodu u anke filgħaxija. Fuq ġismi għandi diversi marki, li baqgħu qatt ma marru. Kienu jittorturawni għax riedu li l-familja tiegħi tibgħat il-flus lilhom biex ninħeles. Kont ngħidilhom li familti m’għadhiex dawk il-flus x’tibgħat. Minflok imbagħad huma ġiegħluni naħdem għalihom. Kien xogħol iebes. Bla ħin. Ikel u ilma ma tantx kienu abbundanti”.
Irnexxieli naħrab
“F’moħħok ikollok il-ħsieb ta’ kif se jirnexxielek. Bin-nies armati miegħek mhix faċli. Darba minnhom is-sigurtà illaxkat. Rajt l-opportunità li naħrab. Tlajt ma’ ħajt u irnexxieli naħrab. Il-ħajt kien għoli u meta qbist ġejt ħażin u weġġajt. Irnexxieli nasal f’belt oħra fil-qrib. Hemm sibt persuna li għenitni u anke qasmet xi affarijiet miegħi. Kien semmieli li hemm ħafna persuni fl-istess sitwazzjoni tiegħi. Għenni insib post fuq dgħajsa u finalment għamilt il-vjaġġ”.
Sibt ruħi f’Malta
Jispjega li “skoprejt li l-vjaġġ ma kienx wasal l-Italja imma Malta. Konna salvati u ftit wara li ddaħħalna l-art ħadulna il-marki tas-swaba u spiċċajna fid-detenzjoni. Ingħatajt il-libertà wara disa’ xhur. Spiċċajt bla saqaf fuq rasi. Ma stajtx ngħix f’Malta. Dħalt ġo kontejner li kien se jivvjaġġa lejn l-Italja u b’hekk irnexxieli nasal Ġenova. Għamilt tlett ijiem f’Ġenova. Rajt trakk ieħor li kellu numri Franċiżi u tlajt fuqu. Spiċċajt f’Marsilja. Minn hemm ippruvajt nitla’ fuq ferrovija biex inmur Pariġi u hemmhekk nitlob għall-ażil.”
“Ġejt infurmat li jekk inmur nitlob ażil, peress li jien kont dħalt Malta, il-proċedura kienet se tkun li jerġgħu jibagħtuni lejn Malta u allura kont se nerġa’ nispiċċa fid-detenzjoni. Mort lejn Calais bil-ħsieb li forsi naqsam lejn ir-Renju Unit. Ma kellix għażla oħra.”
Qbadt dgħajsa lejn ir-Renju Unit … spiċċajt fid-detenzjoni
Fi kliemu stess, “minn Calais kont qbadt dgħajsa lejn l-Ingilterra. Imma malli wasalna inqbadna mill-forzi tal-orndi u spiċċajt fid-detenzjoni. Kont ixxukkjat. Staqsejt ħafna domandi lili nnifsi.”
Jitkellem dwar l-aħħar żviluppi u jgħid li “ġew urewni ittra u li fiha kienu qed jgħidu li se nintbagħat lejn ir-Rwanda. Xokk kienet din għalija. Qabel wasal l-Ingilterra għamilt disa’ xhur f’Calais. Kont nipprova nirkeb fuq xi trakkijiet. Ma kontx naf li mill-Ingilterra kienu qed jippjanaw li jibagħtu n-nies lejn l-Rwanda. Kont ixxukkjat għax wara dak iż-żmien kollu nivvjaġġa u wara dak kollu li għaddejt minnu bit-tama li nsib x’imkien sigur biex ikolli ħajja normali bħal ta’ ħaddieħor, kont se nispiċċa l-Irwanda.”
Meta niftakar fis-Sudan
Jekk tistaqsieh, fuq x’jiġih f’moħħu meta jaħseb fuq is-Sudan jgħidlek “memorji ta’ dwejjaq. Il-familja tiegħi ma rajtiehx aktar u lit-tfajla li kont inħobb ukoll ma rajtiex aktar. Lit-tfajla ħadulha it-telefon. Illum ma nafx x’ġara minnha jew mit-tarbija. Jaqbduni dwejjaq kbar meta niftakar fiha. Lil ommi ukoll ma rajtiex aktar. Ilni ma naraha erba’ snin. Meta nħares lura fuq meta tlaqt, kont għedtilhom jaħfruli. Spjegajtilhom li kien qed jiddispjaċini li se jkolli nitlaq. Ma waqaftx ngħid il-kliem ‘aħfruli’, ‘aħfruli”.