Monday, June 30, 2025

Iva, jien sparajt”… Mohamed Hamdan mixli bil-qtil ta’ Jean Paul Busuttil

Aqra wkoll

Tressaq fil-Qorti Mohamed Hamdan ta’ 46 sena ta’ nazzjonalità Libjana, imwieled ġewwa s-Sirja iżda residenti l-Bidnija li ġie mixli bil-qtil ta’ Jean Paul Busuttil.

Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fil-Bidnija.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, Hamdan kien mixli wkoll li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ tliet persuni oħra, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, li kellu arma tan-nar fil-pussess tiegħu, li qered it-traċċi ta’ reat, li saq mutur Yamaha kontra s-sinjal tat-traffiku (one way) u li sar riċediv.


Il-Prosekuzzjoni spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat, fejn intqal li nhar id-29 ta’ Ġunju li għadda, kien sar rapport dwar kolliżjoni għall-ħabta tas-6.30 a.m., li aktar tard irriżulta li l-persuni involuti kienu l-imputat u l-vittma.


L-Ispettur Kurt Colombo Zahra spjega li konsegwenza ta’ din il-kolliżjoni nqala’ argument fil-preżenza tal-uffiċjal tal-komunità. Żied jgħid li allegatament l-imputat telaq minn fuq il-post bil-mutur tat-tifel tiegħu u reġa’ ġie lura tliet minuti wara fejn allegatament ħareġ arma tan-nar u beda jispara fuq il-vittma bil-konsegwenza li dan tilef ħajtu ftit minuti wara fi triqtu lejn l-isptar.


L-Ispettur Zahra kompla jispjega li meta wasal is-Surġent fuq il-post, kien sab lill-imputat u meta staqsieh jekk ġewx sparati xi tiri, l-imputat allegatament qallu “iva, jiena sparajt”.

Dak il-ħin, is-Surġent infurmah li huwa kien jinsab taħt arrest u ngħata d-drittijiet kollha.


L-imputat wieġeb mhux ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.


Sadanittant, il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u l-Avukati tal-parte civile talbu li l-kumplament ta’ din is-seduta tinstema’ fil-magħluq, bil-Qorti tilqa’ t-talba.


Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonett u Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Sarah Magri. L-Avukat Mario Mifsud deher għal Hamdan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport