Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-MBSA li saret il-Ġimgħa, Ivan Brincat reġa’ ġie ikkonfermat bħal President tal-Malta Billiards & Snooker Association meta b’vot siġriet kiseb appoġġ unanimu minn fost il-membri preżenti tal-assoċjazzjoni.
Din is-sena ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni fl-ebda kariga u l-kumitat eżekuttiv tal-MBSA għas-sentejn li ġejjin barra Ivan Brincat bħala President ser ikollu lil Joseph Zerafa, Viċi President, Lothar Mallia, Segretarju Ġenerali, Richard Sheridan, Segretarju Finanzjarju, Tommy Cunningham, PRO, Ivan Attard u Isaac Borg, membri filwaqt li Joseph Casha u Philip Ciantar ser ikunu r-rappreżentati tal-plejers u Charles Vella huwa rappreżentat tar-referees fi ħdan assoċjazzjoni.
Matul din il-laqgħa ittieħdu diversi deċiżjonijiet importanti li kollha ġew maqbula b’mod unanimu mill-membri, b’aktar waħda ewlenija tkun li l-Malta Billiards & Snooker Association ser tapplika biex tkun membru tal-International Billiards & Snooker Federation (IBSF). Ġaladarba Malta tiġi affiljata, l-MBSA tkun fi membru fi ħdan kull organizzazzjoni internazzjonali tas-snooker. Fil-preżent Malta hija membru kemm tal-World Snooker Federation (WSF) kif ukoll tal-European Billiards & Snooker Association (EBSA). Lis-sħubija mal-IBSF terġa tiftaħ orizzonti għal plejers Maltin sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati minn din il-federazzjoni.
Deċiżjonijiet oħra importanti kienu jolqtu b’mod dirett il-kompetizzjonijiet lokali fejn ġie deċiż li jiżdiedu ranking tournaments speċifikament għal Masters, il-kategorija tal-plejers li għandhom il-fuq minn 40 sena u ieħor għall-kategorija tal-Juniors, dawk li għandhom taħt -il 21 sena.
Barra minn hekk mill-istaġun l-ġdid li ser jibda ftit tal-ġimgħat oħra l-finali ewlenija tal-istagun, il-finali tal-irġiel tad-Diviżjoni Premier ser tibda ssir fuq jumejn konsekuttivi, l-aħjar minn 19 il-frame qabel din kienet l-aħjar minn 11 il-frame fuq jum wieħed biss.
Fil-ġimgħat li ġejjin l-MBSA ser ikollha impenji internazzjonali, l-ewwel wieħed ikun l-International Challenge Cup li ser ssir bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru, f’Dunkerque fi Franza u l-Kampjonati Ewropej li ser isiru f’Golem, l-Albanija bejn l-4 u d-19 t’Ottubru.