Thursday, December 26, 2024

Ivan Woods coach ġdid tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena

Aqra wkoll

Il-Malta FA ħabbret numru ta’ bidliet fil-kompożizzjoni tal-istaff tekniku tagħha fid-dawl tal-kompetizzjonijiet li jmiss li jinvolvu d-diversi kategoriji. L-eks kowċ tal-U17 Ivan Woods inħatar bħala Coach tat-Tim Nazzjonali tal-U21 u se jkun qed jieħu post Alessandro Zinnari wkoll bħala Koordinatur Tekniku fil-kategoriji kollha, taħt il-gwida tal-Coach tat-Tim Nazzjonali, Michele Marcolini.

Ir-ristrutturar iġib ukoll uċuh ġodda f’diversi pożizzjonijiet ta’ taħriġ u appoġġ f’kategoriji differenti ta’ etajiet.

Ivan Woods se jkun qed jieħu r-rwol ta’ Coach tal-U21, u b’hekk jieħu post il-coach interim Francesco Macri, li mela l-post ta’ Gilbert Agius li mar jikkowċja fl-Indoneżja f’Novembru 2022. Huwa se jkun assistit minn Francesco Macri u Herman Bugeja.

Fil-kategorija ta’ Taħt id-19-il sena, Paul Gatt inħatar bħala Coach, wara Toze Mendes, li se jkun qed imur lura l-Portugall, art twelidu. Stefano Grima se jkun qed jibqa’ Assistant Coach b’Alex Ramella li se jkun il-Coach il-ġdid tal-Goalkeepers, u jieħu post l-eks goalkeeper tat-tim nazzjonali Andrew Hogg.

Facundo Styk, l-analista tal-partiti tat-Tim Nazzjonali A, issa se jmexxi wkoll l-iskwadra ta’ U-18, li qabel kienet immexxija minn Jonathan Holland.

Minbarra r-rwol tiegħu bħala assistent tal-Coach tal-U-21, Francesco Macri se jmexxi wkoll it-tim tal-U-17. Jgħinuh Stefano Grima u Mario Capece fid-dipartiment tal-Goalkeepers.

Il-kowċ maħtur ġdid Piero Panzanaro se jkun il-Coach il-ġdid tal-U-16 filwaqt li se jkun qed jingħaqad ukoll mal-istaff ta’ Marcolini mal-A Team.

Jonathan Holland se jmexxi l-iskwadra tal-U15, assistit mill-eks kowċ tal-Football Hubs Adrian Buttigieg.

Timijiet Nazzjonali tan-Nisa

Vince Galea inħatar bħala l-Coach tan-Nisa U17 u l-Koordinatur Tekniku tan-Nisa, rwol ġdid immirat li jsaħħaħ l-approċċ unifikat fit-timijiet nazzjonali tan-nisa bl-istess mod kif isir fit-timijiet tal-irġiel. Hu se jkun assistit mill-eks plejer tat-tim nazzjonali Martina Borg u Michelle Zahra fid-dipartiment tal-Goalkeepers.

Logħbiet li ġejjin

Logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u Ġibiltà hija skedata għall-Erbgħa 6 ta’ Settembru fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali bil-kick-off fit-8pm. Il-partita se sservi bħala tħejjija għall-partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej kontra l-Maċedonja ta’ Fuq fit-12 ta’ Settembru 2023 fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali (kick-off 8.45pm).

Ekonomija

Sport