Sunday, December 22, 2024

“Ivvandalizzajna d-dinja li ngħixu fiha … Issa hemm il-konsegwenzi”

Quddiemna għandna l-akbar sfidi ambjentali urġenti li qatt rat id-dinja: Diżertifikazzjoni, degradazzjoni tal-art u n-nixfa

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Is-sigurtà, il-prosperità u s-saħħa ta’ biljuni ta’ nies jiddependu minn art sana, art li jgħixu fiha l-annimali, li tagħti l-għixien lill-bdiewa u ekosistemi. Iżda, ivvandalizzajna d-dinja li ngħixu fiha. Kull sekonda, madwar erba’ grounds tal-football ta’ art sana hija degradata. Kif it-titlu ta’ dan il-Jum Dinji jfakkarna, irridu nkunu magħquda għall-art. Gvernijiet, negozji, akkademiċi, komunitajiet u aktar, iridu jingħaqdu flimkien u jieħdu azzjoni”.

Hekk saħaq is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterras, f’messaġġ li għamel għall-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Diżertifikazzjoni u Nixfa 2024 li hija ċċelebrata llum, 17 ta’ Ġunju. Id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art u n-nixfa huma fost l-akbar sfidi ambjentali urġenti ta’ żmienna. Dan minħabba li saret ħafna ħsara u esplojtazzjoni, tant li huwa stmat li madwar 40% tal-art kollha madwar id-dinja, diġà hija meqjusa degradata, jiġifieri l-art hija ta’ kwalità inqas u konsegwentement dan qiegħed iwassal għal inqas produttività tal-art.

Fl-2022 l-Aġenzija tal-Ambjent Ewropea ppubblikat rapport dwar l-impatt negattiv li l-kontinent tagħna qiegħed jesperjenza fuq l-ekosistemi minħabba l-bidla fil-klima. Fil-fatt, l-Ewropa għal dawn l-aħħar sentejn esperjenzat temperaturi rekord ta’ sħana b’konsegwenza ta’ nixfa. Dan l-andament jidher li se jkompli. Huwa ċar li quddiem din ir-realtà, il-futur ta’ artna huwa f’periklu. Periklu li x-xjenzati u l-ambjentalisti ilhom iwissu dwaru.

Fatturi li jinkludu l-bidla fil-klima u attivitajiet mill-bniedem

Il-konsegwenzi huma serji għad-dinja kif ukoll għall-bnedmin. Id-deżertifikazzjoni, li huwa l-proċess li biha l-art fertili ssir deżert b’riżultat ta’ għadd ta’ fatturi inkluż il-bidla fil-klima u l-attivitajiet tal-bniedem, twassal għal konsegwenzi ta’ telf ta’ art, telf tal-bijodiversità, skarsezza ta’ ilma, erożjoni tal-ħamrija.

Id-degradazzjoni tal-art hija tnaqqis fil-kwalità tal-art minħabba użu mhux xieraq tagħha. Dan iwassal għal produttività mnaqqsa tal-art. Il-konsegwenzi huma li l-uċuħ tar-raba’ qegħdin jonqsu. Magħhom il-fertilità tal-ħamrija u dan jagħmilha aktar diffiċli biex ikunu sostnuti l-attivitajiet agrikoli li tant huma importanti għall-bniedem. Man-nuqqas tal-produttività agrikola, hemm telf ekonomiku wkoll u dan jolqot direttament lis-settur tal-biedja u lil kull min jagħmel għixien minnu.

Barra minnhekk, għandna quddiemna d-deforestazzjoni tal-art fejn il-bniedem, b’mod esaġerat, qata’ u għadu jaqta’ eluf ta’ siġar. Konsegwenza ta’ dan hemm aktar degradazzjoni tal-art u telf ta’ abitat għall-annimali li jgħixu f’ambjent naturali fosthom il-foresti.

Bħal ċirku vizzjuż, l-istess degradazzjoni tal-art qiegħda tiggrava l-bidla fil-klima b’rilaxx ta’ karbonju maħżun fl-atmosfera. L-impatt huwa dirett fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Nuqqas ta’ ilma…
Ħsara fuq l-għelieqi, imwiet fost il-bhejjem u migrazzjoni tan-nies

In-nixfa, li hija perjodu twil li fih ma tinżilx xita, twassal għal nuqqas ta’ ilma, is-sors primarju li jikkontribwixxi għall-ħajja fuq il-pjanet tagħna. Hawn qegħdin naraw sitwazzjonijiet fejn hemm miljuni ta’ nies bla ilma tajjeb x’jixorbu, telf agrikolu minħabba nuqqas ta’ ilma bi ħsara fuq l-għelieqi u agħar minnhekk, imwiet fost il-bhejjem. L-ispejjeż involuti minħabba nuqqas ta’ ilma u ikel għandhom impatt universali.

Dan iwassal għal problemi ta’ saħħa fejn il-kwalità ħażina tal-ilma u d-disponibbiltà mnaqqsa ta’ ikel, iwasslu għal malnutrizzjoni u mard. Dawn il-problemi qegħdin jikkawżaw ukoll migrazzjoni minħabba li n-nies huma sfurzati jitilqu minn arthom biex isibu għixien aħjar. Dan l-influss f’pajjiżi oħra jwassal għal tensjonijiet soċjali u politiċi. Quddiem dan ix-xenarju ta’ diżastru ambjentali, hemm theddida reali oħra – dik tas-sigurtà tal-ikel.

Art b’saħħitha mhux biss tagħtina madwar 95% tal-ikel tagħna, imma anke fost l-oħrajn toffri il-kenn, tiftaħ l-opportunitajiet tal-impjiegi u anke ħwejjeġ. It-tema tal-Jum Dinji tad-Deżertifikazzjoni u n-Nixfa “Magħqudin għall-Art. Il-Wirt Tagħna. Il-Futur Tagħna” tenfasizza l-futur tal-ġestjoni tal-art li hija l-aktar riżors prezzjuż tagħna biex niżguraw l-istabbiltà u l-prosperità ta’ kull wieħed u waħda minnha, kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Attivitajiet għall-pubbliku għal aktar għarfien

L-osservanza globali tal-Jum Dinji tad-Deżertifikazzjoni u Nixfa 2024 hija mtella’ fil-Ġermanja. Hawn, flimkien mal-Ministeru għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (BMZ) u l-Belt ta’ Bonn, li mill-1999 laqa’ s-Segretarjat tal-UNCCD, qegħdin jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet għall-pubbliku fosthom wirja ta’ ritratti; programmi edukattivi; u wirjiet mużikali. Dan flimkien ma’ kampanja fuq il-midja soċjali mnedija qabel il-Jum, li jservu biex jiżguraw li jkun hemm għarfien dwar it-tema ta’ din is-sena.

L-avveniment globali ta’ osservanza fil-Bundeskunsthalle tal-lum, jimmarka wkoll it-30 anniversarju tal-UNCCD. Hawn se jiltaqgħu flimkien mexxejja dinjin, żgħażagħ u personalitajiet prominenti mill-akkademja, is-soċjetà ċivili, l-isports u d-divertiment biex juru ambizzjoni qawwija li jkunu magħqudin għal art.

Din issir qabel l-akbar konferenza tan-NU dwar l-art u n-nixfa f’Riyadh, l-Arabja Sawdija f’Diċembru li ġej, il- UNCCD COP16.

Ekonomija

Sport