Saturday, January 4, 2025

Ivvjaġġa ma’ Tal-Linja għada 17 ta’ Diċembru u għin biex jinġabru fondi għal L-Istrina

Aqra wkoll

Malta Public Transport qed tniedi l-5 edizzjoni tagħha ta’ Tallinja għal L-Istrina għada s-Sibt 17 ta’ Diċembru 2022 b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

L-inizjattiva se tara lil Malta Public Transport tagħti fondi għal kull vjaġġ li l-klijenti jagħmlu waqt dik il-ġurnata, inklużi dawk il-vjaġġi li jaqgħu taħt l-iskema tat-trasport b’xejn. Fi kliem ieħor, aktar ma klijenti jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja matul il-ġurnata, aktar se jinġabru fondi b’risq MCCF.

L-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Vella laqa’ l-inizjattiva u rringrazzja lil Malta Public Transport u lill-klijenti kollha tagħha talli emmnu fir-rwol uniku li għandha l-MCCF biex tappoġġja lill-komunità Maltija u lil dawk fil-bżonn. “Peress li l-appoġġ finanzjarju, materjali u professjonali lil persuni b’mard kroniku sever qiegħed dejjem jiżdied, huwa sabiħ li kumpaniji bħal Malta Public Transport joħorġu b’inizjattivi altruistiċi bħal dawn,” qal il-President Vella.

Is-Sur Felipe Cosmen, Chairperson ta’ Malta Public Transport irrimarka li: “L-inizjattiva ta’ karità tagħna lejn L-Istrina malajr saret waħda mit-tradizzjonijiet annwali popolari peress li tagħtina l- opportunità li naħdmu id f’id mal-komunità biex niġbru fondi għal din il-kawża nobbli. Hija x-xewqa tagħna li naraw lill-pubbliku jingħaqad magħna dakinhar billi jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja tagħna bħala turija ta’ solidarjetà ma’ dawk inqas ixxurtjati.”

F’kumment dwar l-inizjattiva, is-Sur Konrad Pulé, il-Maniġer Ġenerali ta’ Malta Public Transport, qal “il-kontribut għall-missjoni ta’ MCCFF huwa ta’ importanza kbira għalina peress li napprezzaw l-appoġġ li jipprovdu lil dawk li jsibu ruħhom fl-aktar ċirkustanzi vulnerabbli. Il-valuri tal-kompassjoni u l-appoġġ komunitarju huma allinjati mal-ethos korporattiv tagħna.”

Ekonomija

Sport