Friday, December 13, 2024

Ivvjaġġaw lejn il-Libja … l-omm inżammet minn traffikanti għall-prostituzzjoni … it-tfal spiċċaw it-Tuneżija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-vjaġġ mill-fruntiera mas-Sudan lejn il-Libja, kien vjaġġ li dam diversi jiem. Il-vjaġġ fid-deżert kien iebes ħafna. F’Kufra, tispiċċa f’idejn nies ġodda. Minn hemm tibda l-vjaġġ lejn il-parti ta’ fuq tal-Libja. Mhux kulħadd jirnexxielu jasal sa hemm. Naf b’każijiet fejn nies inżammew f’Kufra. Fost dawn nisa. Jibdew jiġu mheddin biex iħallsu aktar għal vjaġġ. Jgħidulhom li m’għandhomx biżżejjed flus u jispiċċaw fil-prostituzzjoni. Jgħidulek iċċempel lil familjari biex jibagħtu l-flus.  Mhux kulħadd ikun jista’ jagħmel hekk. Ikollok żgħażagħ u nies li ħarbu u lanqas qalu l-familjari. Dawn imbagħad ispiċċaw litteralment miżmumin f’postijiet moħbijin.  Iqattgħu żmien hemm. Jispiċċaw f’xogħol sfurzat. Fi prostituzzjoni. Jispiċċaw jgħaddi minn sid għal ieħor. Jinxtraw. Xi wħud qatt ma tisma bihom aktar. Oħrajn jifdu lilhom infushom”.  Nistaqsu  lil Omar, immigrant li għamel il-vjaġġ, dwar kemm hu l-prezz biex persuna tifdi lilha nnifisha. “Prezz ivarja skont….2,000 Dinar Libjan u 3,000 Dinar Libjan smajt min ħallas. Jistgħu jitolbu aktar. Biex ikollok dawn trid tagħmel xhur ta’ xogħol iebes, b’ikel mill-inqas.” Jieqaf għal ftit u jgħidilna li “l-ħtif ta’ persuni fil-Libja fosthom tfajliet u nisa hi komuni. Hemm diversi tfajliet Niġerjani bħalissa, li litteralment sparixxew”.

L-aħħar każ … omm ta’ tlett itfal ilha 16-il xahar ma tikkomunika

talk.mt tkellmet ma’ rappreżentant ta’ l-Organizazzjoni Libjana BELaady, li taħdem mill-qrib ma’ każijiet ta’ ħtif ta’ persuni fil-Libjani u ma’ immigranti li jkunu qegħdin jagħmlu l-vjaġġ. 

Jitkellmu magħna dwar l-aħħar każ tal-qsim il-qalb, waqt li jiddikjaraw li dan mhux każ iżolat imma wieħed mill-aħħar każijiet fejn familja spiċċat separata minħbba traffikar.

Tliet ulied ilhom 16-il xahar ma jafux x’ġara minn ommhom

Tlett ulied flimkien ma’ ommhom u missierhom kellhom ħajja normali fil-Kamerun. Ħajja li riedu jistinkaw biex jgħixu.  Il-missier  miet f’kunflitt  li inqala’ fil-Kamerun. Normalment ma tantx nisimgħu b’kunflitti bl-armi fil-Kamerun. Dan ma jfisser li dan il-pajjiż mhux mifni b’kunflitt u ġlied. Filfatt il-Kamerun għandu kunflitt intern ma’ għadd ta’ gruppi separatisti, li qegħdin jiġġieldu b’kull mezzi lill-gvern. Kunflitt bl-armi, fejn l-għan tas-separatisti hu li reġjuni fil-Kamerun jieħdu l-Indipendenza.

L-omm iddeċidiet li tilaq mill-Kamerun u marret lejn il-Libja. Magħha telqu ukoll it-tlett uliedha. Daħlu il-Libja proprju 16-il xahar ilu. Ivvjaġġaw diversi bliet u villaġġi sakemm finalment waslu f’villaġġ Libjan fuq il-fruntiera.  

Kien hawnhekk li min kien se jorganizza l-vjaġġ li jkompli lejn villaġġi u bliet oħra Libjani sakemm jaslu fi Tripli, talab lil omm tħallas il-bqija tal-flus li kien fadlilha. 

Filfatt hi kienet ħallset il-vjaġġ sal-fruntiera tal-Libjau kien għad fadalilha tħallas ammont sostanzjali ta’ flus biex tittieħed lejn żoni qrib ix-xtajiet fil-Libja jew lejn żoni f’Tuneż. 

Tinżamm fin-nofsinhar tal-Libja … infirdet minn uliedha

Kull tentattiv biex iġġib il-flus fosthom minn familjari ma setgħux iseħħu. Kien f’dan il-mument li hi kienet sfurzata biex tibqa’ hemm. Filfatt hi ttieħdet f’dar li tintuża għall-prostituzzjoni.

Dan kien il-mument li tlett uliedha raw l-aħħar. Huma kienu ħallsu għal vjaġġ sħiħ, għax ommhom ħallset il-vjaġġ kollu lilhom u tagħha ħallset il-parti sal-fruntiera mal-Libja.

Wara ftit jiem f’dan il-post, it-tfal tagħhom komplew il-vjaġġ flimkien ma’ għadd ta’ immigranti oħra. Dan kien fi Frar tas-sena li għaddiet.  Minn dakinhar sa llum huma għadhom qatt ma semgħu x’ġara minn ommhom. La sar kuntatt magħhom mingħandha u lanqas semgħu xi aħbarijiet dwarha. 

It-tfal, flimkien mal-immigranti oħra irnexxielhom jaslu t-Tuneżija. It-tfal talbu l-għajnuna tal-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR).

Nisa qegħdin jinżammu għas-sess anki għal snin sħaħ … jibdew ibatu minn saħħa mentali

Ir-rapprezentant ta’ l-organizazzjoni Belaady, meta tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “fid-deżert meta jkun hemm djar, dawn jintużaw jew bħala residenza jew inkella għas-sess.  Kien hemm każi fejn nisa inżammet għal snin għas-sess. Hemm nisa li qegħdin ibatu minn problema ta’ saħħa mentali minħabba dan. Jibqgħu jinżammu f’dak il-post u tista’ tgħid li lanqas tgħaddilhom minn rashom li jaħarbu”.

Omm dawn it-tlett itfal ma nafux x’ġara minnha

Ir-rappreżentant jgħidilna li fil-każ ta’ dawn it-tlett itfal, li qegħdin jagħmlu minn kollox biex ikunu jafu x’ġara minn ommhom, sa issa m’hemm ebda riżultat. Ma nafu xejn x’ġara jew fejn tinsab. Qatt m’għamlet kuntatt. Ħajja? mejta? m’hemm ebda informazzjoni”.

It-tfal qed jistennew … ilhom sena li applikaw mal-UNHCR

Jgħidilna li “t-tfal tagħha jinsabu it-Tuneżija u rreġistraw mal-UNHCR. Ilhom aktar minn sena li rreġistraw u qegħdin jistennew. Sa issa xejn  ġdid u ebda aħbar. Anki huma bħala tfal tista’ tgħid spiċċaw mifrudin. Filfatt it-tifel il-kbir mhux qed jitħalla ma’ oħtu filgħaxija u hu jispiċċa fis-sular ta’ fuq tal-post fejn qed jinżamm flimkien ma’ irġiel oħra, waqt li oħtu u ħuha iż-żgħir jinżammu isfel fejn hemm is-sezzjoni tan-nisa. 

Hi ta’ dieqa titkellem mat-tifla … taf li spiċċat fil-prostituzzjoni u tista’ tispiċċa tinqatel

Ir-rappreżentant jiddikjara ma’ dan is-sit li “hi ta’ dieqa li titkellem mat-tifla. Taf bil-periklu li qiegħda fih ommha. Taf li ommha spiċċat fil-prostituzzjoni. Il-biża’ tagħha hi li tista’ tispiċċa tinqatel.”

It-tifel iż-żgħir ma ‘tantx ikompli’ … jemmen li ommu se tiġi ma ddumx

L-istess rappreżentant jgħidilna li “t-tifel iż-żgħir meta tistaqsieh dwar ommu ma’ tanx ikompli. Qisu ma jiffukax fuq li tkun qed tgħidlu. Hu jgħidlek biss li jemmen li ommu se tiġi ma ddumx. 

Jgħidilna li “sfortunatament il-UNHCR fil-Libja u fit-Tuneżija għandhom ħafna każijiet, b’mod partikolari ta’ tfal u nisa.  Il-UNHCR ma jistgħux jittrasferixxuhom lejn pajjiżi terzi, sakemm ma jkunx hemm xi pajjiż li jkun irid jaċċettahom. L-Unjoni Ewropea u pajjiżi tagħha, jieħdu biss ftit ammont ta’ immigranti. Nista’ ngħidlek li bħalissa mal-UNHCR fil-Libja hemm xejn inqas minn 43,000 persuna li huma reġistrati. Xi ftit minnhom jispiċċaw jaħarbu.”

Itenni li “nista’ ngħidlek li per eżempju l-ġimgħa li għaddiet, 41 persuna mil-Libja marru lejn in-Norveġja.  Nemmnu li l-pajjiżi qegħdin jinjoraw il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-persuni li qegħdin ifittxu ażil fosthom nisa u tfal fil-Libja u t-Tuneżija.  Id-destin tagħhom u x’se jiġri minnhom mhux magħruf.  Ħafna minnhom ma jkollhomx triq oħra għajr li jagħmlu l-vjaġġ bil-baħar lejn l-Ewropa jew inkella jagħmlu snin jistennew lill-UNHCR”.

Il-fenomenu tal-impunità fil-Libja infirex ħafna

Hu qalilna li “l-fondazzjoni tagħna ilha għaddejja b’ħidma fil-Libja sa minn Mejju tas-sena 2012. Naħdmu fuq każi ta’ drittijiet umani ta’ immigranti, persuni li qegħdin ifittxu ażil u tfal. Fl-aħħar snin l-immigranti u persuni li jispiċċaw jaħdmu xi drabi b’xogħol sfurzat żdiedu ħafna fil-Libja. Dan seħħ għax gruppi armati qegħdin ikunu appoġġjati bi flus u armi. Il-fenomenu tal-impunità fil-Libja infirex ħafna.”

Ekonomija

Sport