Taljan ta’ 36 sena weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident bl-e-kick scooter f’San Ġiljan.
Kien għall-ħabta tas-2.00 a.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq San Ġorġ seħħ inċident bejn e-kick scooter, li fuqu kien hemm it-Taljan u Toyota Corolla li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.