Raġel iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li għall-ħabta tas-1:45 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq San Anard fir-Rabat Għawdex.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Citroen Berlingo, misjuq minn raġel ta’ 65 sena residenti l-Fontana Għawdex, u mutur Honda, misjuq minn Albaniż ta’ 29 sena.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.