Raġel mill-Imqabba sofra ġrieħi ta’ natura gravi wara li waqa’ f’ġiebja. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.15 a.m. bil-Pulizija jiġu informati li hemm bżonn l-assistenza tagħhom f’barriera fi Sqaq ir-Ramlija, Ħal Kirkop.
Fuq il-post marru l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u kif tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li r-raġel kien qed jirranġa l-ġiebja meta waqa’ minn fuq ċint.
Wara li ttella’ huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.