Raġel iddaħħal l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa tal-5:00 p.m., kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq ta’ Xagħman, is-Sannat, Għawdex.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li ħaddiem ta’ 36 sena residenti r-Rabat (Għawdex) weġġa’ meta ċediet injama li kien qiegħed jaħdem fuqha bil-konsegwenza li waqa’ għoli ta’ madwar sular.
Tim mediku ta l-ewwel għajnuna lir-raġel sakemm dan seta’ jittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza li ssejħet fil-post. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.