Raġel kellu jiddaħħal l-isptar wara li iktar kmieni llum, għall-ħabta tal-11:30 a.m., kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Ġużepp, Ħaż-Żabbar.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li r-raġel għandu 57 sena u residenti Wied il-Għajn, kien sofra xi ġrieħi wara li waqa’ madwar sular waqt li kien qiegħed jaħdem.
Huwa ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa fejn minn hemm ittieħed permezz t’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.