Monday, December 23, 2024

Iweġġgħu gravi wara li nqalbu bil-karozza f’ħabta f’Ħal Luqa

Aqra wkoll

Tliet żgħażagħ ddaħħlu l-Isptar wara li għall-ħabta tat-2:45 a.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Ewwel Titjira f’Ħal Luqa.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Kia Rio misjuqa minn raġel ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar u Toyota Corsa misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Ħal Luqa. Kawża tal-ħabta, il-Corsa nqalbet filwaqt li l-karozza l-oħra spiċċat fil-ħaxix fil-ġenb tat-triq.

Flimkien maż-żagħżugħ, kien hemm ukoll żewġ passiġġieri, tfajla ta’ 17-il sena residenti l-Birgu u ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Imqabba. 

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li taw l-ewwel assistenza tagħhom, filwaqt li ambulanzi ħadu lit-tliet żgħażagħ lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Ekonomija

Sport