Monday, November 4, 2024

Iwieġeb ħati li seraq minn karozzi u ħebb għal Kuntistabbli fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Abdallah Mohammed ta’ 22 sena miċ-Chad tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għal akkużi ta’ serq minn karozzi u anke li ħebb għal uffiċjal tal-pulizija. 

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn xħin il-pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun kienu infurmati li kien hemm raġel suspettuż idurm mal-karozzi pparkjati u qiegħed jipprova jiżgassahom. 

Il-pulizija marru fuq il-post iżda ma sabux lill-allegat suspettat. Huwa iżda ġie nnutat ftit tal-ħin wara fi Triq Mile End u meta l-pulizija avviċinawh dan ħarab jiġri minn fuq il-post.

Il-pulizija ġrew warajh sakemm laħquh u ġie arrestat ftit ‘il bogħod. Il-Pulizija qalet li waqt l-arrest, ir-raġel ma bediex jikkopera u anke kien vjolenti mal-pulizija tant li kkawża xi ġrieħi fuq Kuntistabbli.

Malli kien immanettjat, il-pulizija għamlu tfittxija fuqu u nstabu teka tal-ostji, tliet mobiles u arloġġ, fost affarijiet oħra misruqa. 

Meta tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, l-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv sakemm jingħata s-sentenza f’seduta oħra. 

Sport