Student Libjan ta’ 14-il sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati li fera’ student Libjan ieħor waqt li kienu qegħdin fil-bitħat tal-iskola tal-kulleġġ ta’ Santa Klara f’Pembroke.
Fil-Qorti, ingħad li l-istudenti kien mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq l-istudent l-ieħor, li kellu fil-pussess tiegħu arma u kif ukoll li kkaġuna mal-€2,500 fi ħsarat.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li hekk kif waslu l-Pulizija fuq il-post sabu lill-akkużat għadu bl-arma f’idu, liema arma intużat fuq l-istudent l-ieħor. Ingħad li l-vittma kellu diversi ġrieħi, tant li f’mumen minnhom kien qiegħed f’riskju li jitlef ħajtu.
Minn tfittxija illi saret fil-basket tal-akkużat, il-Pulizija sabulu żewġ Molotov Cocktails, flixkun b’likwidu li jikkawża splużjoni u nar meta jitwaddab u jinkiser. Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, bir-raġuni li l-akkużat kien ilu jiġu bullied numru ta’ snin. L-Avukat Debono sostna li jkun inġust li l-Qorti ma tismax l-istorja tal-bullying li kien għaddej minnu l-akkużat
Il-Prosekuzzjoni ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tar-reat. Dwar l-argument tal-bullying, qalet li l-vittma ma kienx il-persuna li kkawża l-bullying u għalhekk jekk jinħeles l-akkużat jista’ jmur għal min veru wettaq il-bullying.
L-avukat Franco Debono, Marion Camilleri u Leslie Cuschieri qed jidhru għall-akkużat filwaqt li l-avukati Stefano Filetti u Arthur Azzopardi qed jidhru għal parti ċivili.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat Abigail Critien, ordnat li jinżamm arrestat għax hemm numru kbir ta’ xhieda li għad iridu jixhdu u hemm biża’ ta’ intralċ ta’ provi.


