Thursday, December 26, 2024

Iwissu li minkejja t-tajjeb tagħha, l-AI jista’ jkollha impatt ħażin fuq miljuni ta’ nies

Aqra wkoll

Il-mixja mgħaġġla li qed isseħħ fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (AI), mixja kważi bla kontroll ta’ xejn, mhux biss qed tqanqal biżgħat kbar fost ħafna imma wkoll li se toħloq sfidi ġodda għal miljuni ta’ nies.

Filwaqt li ħadd ma jista’ jiċħad li l-intelliġenza artifiċjali hija forza enormi, hija wkoll xiehda tal-progress intellettwali bla qies li laħaq il-bniedem meta ħoloq intelliġenza li maż-żmien taf tegħleb l-intelliġenza umana.

Il-ġurnalisti veterani Amerikani, Carl Bernstein u l-kollega tiegħu Bob Woodward wissew li l-AI tista’ ġġib magħha telfien tal-impjiegi, telfien tal-privatezza u anki potenzjalment iċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni qarrieqa.

Woodward u Bernstien kienu l-ġurnalisti li kifxu l-iskandlu Watergate u ġabu l-waqgħa sussegwenti tal-President Richard Nixon fl-1972.

F’intervista li taw lill-BBC, Bernstein u Woodward filwaqt li rriflettew fuq il-waqgħa ta’ Nixon, l-eks-presidenza ta’ Donald Trump u l-Istat tal-Istati Uniti u d-dinja llum, għafsu fuq il-ħtieġa li n-nies ikunu jafu x’inhu reali għal kuntrarju ta’ dak li huwa falz, għaliex il-verita hija l-aħħar linja għal kull ħaġa fil-ħajja tan-nies. Huma sosatnew li l-ġurnaliżmu huwa l-element essenzjali biex komunità tkun tista’ tikseb dan.

Il-programm Chat GPT, li juża l-AI, intuża ħafna fl-aħħar sena. Minkejja li f’ċertu oqsma l-intelliġenza artifiċjali għadha fi stadju bikri hija forza enormi li l-umanita se jkollha tiffaċċja f’din id-dinja.

L-istorja tal-Watergate bdiet biż-żewġ ġurnalisti jwettqu ġurnaliżmu tradizzjonali jħabbtu l-bibien. Dik l-istorja kienet spiċċat billi kixfu l-għemil ħażin tal-President Nixon. Woodward u Bernstein huma meqjuma fil-ġurnaliżmu tal-Istati Uniti għar-rappurtaġġ tagħhom u l-ktieb li ppublikaw dwar Watergate ġie adattat għaċ-ċinema f’All the President’s Men.

Il-film dwar l-iskandlu Watergate kien ħareġ fl-1976 u kellu lil Robert Redford bħala Woodward u Dustin Hoffman bħala Bernstein.

Ekonomija

Sport