Wara li ħarġet l-aħbar li x-Sheikh Qatari Jassim, irtira mill-proċess biex jixtri lill-club ta’ Manchester United, in-negozjant Thomas Ziliacus qe iħeġġu biex ‘jingħaqad u jixtri l-aqwa club Taljan’ – Inter.
In-negozjati għall-akkwist tal-club minn Old Traffrod kienu ilhom xhur sħaħ għaddejjin, hekk kif ħafna qed jemmnu li l-familja Glazer m’għandha l-ebda ħsieb li tbiegħ lill-club.
Fl-ewwel jiem tal-proċess, Ziliacus kien ukoll wieħed minn dawk li xeħet offerta għal Manchester United, iżda fl-aħħar xhur kien iffukat biex javviċina lill-club tas-Serie A, Inter.
Is-Sibt filgħaxija, huwa għamel stqarrija pubblika u intriganti ħafna dwar il-kwistjoni permezz ta’ X, li qabel kien magħruf bħala Twitter.
“Ninsab kuntent li wasalt għall-istess konklużjoni li wasalt għaliha ftit xhur ilu. Issa ejja ningħaqdu u nixtru l-aqwa club Taljan u nagħmluh l-aqwa fid-dinja!”
Ziliacus żied sensiela ta’ hashtags, fosthom #SerieA u #Nerazzurri – ikkonferma li kien qed jirreferi għal Inter.
Is-sidien attwali ta’ Inter, Suning, setgħu jżommu lil Inter biss bl-għajnuna ta’ self b’imgħax għoli mingħand Oaktree Capital u li jrid jitħallas f’April 2024.