Sunday, December 29, 2024

Ix- Xagħra Scout Group jingħata spazju akbar  

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppresedew l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u x-Xagħra Scout Group. Permezz ta’ dan il-ftehim, ix-Xagħra Scout Group issa se jkollu spazju akbar fejn jopera u jilqa’ fih il-membri.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim, hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet qed tgħaddi spazju akbar li se jkun ta’ kontribut kbir u utilizzat bl-aħjar mod possibbli għal diversi attivitajiet. Il-ministru kompla jispjega li l-Awtorità tal-Artijiet qed twettaq xogħol tajjeb ferm sabiex jiġu identifikati aktar spazji u binjiet pubbliċi u utilizzati bl-aħjar mod possibbli għal benefiċċju tal-komunitajiet. 

“Nawgura lix-Xagħra Scout Group għall-missjoni li qed iwettqu u sabiex din il-binja tkompli tkun ċentru sabiħ li jilqa’ fih aktar tfal u żgħażagħ Għawdxin”, temm jgħid il-ministru. 

“Illum hi ġurnata importanti għal din l-għaqda hekk kif permezz ta’ dan il-ftehim, u grazzi għall-Awtorità tal-Artijiet, ix-Xagħra Scout Group ser ikollhom spazju ferm akbar min fejn joperaw biex jilħqu l-esiġenzi preżenti u futuri,” qal il-Ministru Clint Camilleri.

“Dan ta’ illum hu xhieda oħra ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha bejn entitajiet diversi, bejn dawk Governattivi u s-settur volontarju, fejn il-gvern bil-fatti jemmen u jinċentiva lil dan is-settur,” kompla jsostni l-ministru.

Il-Group Scout Leader tax-Xagħra Scout Group, is-Sur Steven Sultana, qal li, “Ix-Xagħra Scout Group huwa wieħed mil-akbar organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’Għawdex, stabbiliti sew fix-Xagħra li taħdem ma’ 150 tfal, żgħażagħ u voluntiera biex jsiru ċittadini attivi tal-preżent u tal-futur. Issa li l-grupp kiber, dan il-ftehim biex inżidu din l-estensjoni mal-kwartieri huwa importanti ħafna għalina. Naturalment, dan huwa biss l-ewwel pass minn ħafna. Però kif diġà rrestawrajna l-ewwel biċċa tal-kwartieri, aħna lesti li nidħlu għall-isfidi u ħafna spejjeż biex naħdmu fuq din l-estensjoni wkoll.”

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorita tal-Artijiet, is-Sur Robert Vella, kif ukoll membri tax-Xagħra Scout Group.

Ekonomija

Sport