Bosta kienu dawk, fosthom persuni li ħadmu fil-qasam tax-xandir, li sellmu l-memorja ta’ Joyce Guillaumier, għalliema tal-Ingliż u xandara magħrufa li mietet ta’ 75 sena.
Leħen Guillaumier kien magħruf speċjalment b’rabta ma’ programmi ta’ kultura u arti li kienet tispeċjalizza fihom fosthom dwar teatru u mużika.
Hija ħadmet ma’ diversi stazzjonijiet fosthom Radju Malta, ONE u Campus FM tal-Universita ta’ Malta waqt li ġieli kitbet ukoll artikli għall-ġurnal It-Torċa dwar produzzjonijiet fit-Teatru Manoel.
Fl-2015 Guillaumier, li kienet omm ta’ żewġt itfal, ġiet onorata b’Ġieħ ir-Repubblika mill-President Marie-Louise Coleiro Preca proprju għas-sehem fil-qasam tax-xandir.
Fost dawk li ikkummentaw dwarha kien hemm l-awtur Mario Micallef li iddeskriviha bħala “waħda mill-aqwa xandara li kellna” u l-kittieb Sergio Grech li rrimarka kif kienet “mara ta’ żaqqha f’fommha u kelma kienet tgħidha mingħajr ma taħsibha darbtejn”.