Friday, August 8, 2025

Ix-xewqa għal aktar siġar….għal aktar ħdura…bdejna imma għadna lura 

Irridu inkunu aħna li nibdew nibdlu l-istil ta’ ħajja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’pajjiżna għandna ħafna persuni b’mentalità li fis-sajf ma’ tista’ tkabbar xejn. Għandna min għandu mentalità li s-siġar aħjar tħawwilhom ġo qsari kbar u mhux fl-art ħalli mal-ewwel ilmenti jew raġunijiet oħra taqbad u tneħħi. Għandna min b’mentalità li ma tistax tkabbar siġar fit-toroq tagħna minħabba li jridu aktar kura u għax fis-sħana tas-sajf ‘trid toqgħod magħhom’. Minkejja din it-tip ta’ mentalità fl-aħħar snin rajna ċaqlieqa u żieda fis-siġar fit-toroq urbani tagħna. 

Xorta għadna lura ħafna. Għal xi wħud għadna lanqas bdejna. Imma żgur li jidher li bil-mod il-mod il-mentalità ta’ xi nies qiegħda tinbidel. Kellna nies li ħadu inizjattivi huma u sebbħu fejn jgħixu. Dan billi ħawwlu pjanti jixxebilku jew siġar oħra mal-faċċati tagħhom. Dawra mal-pajjiż tara dan f’irħula bħan-Naxxar, il-Mosta, ir-Rabat u anke irħula f’Għawdex fost oħrajn Dawn huma toroq u faċċati ta’ djar li tista’ tgħid saru ikoniċi għal pajjiżna. Bdejna ukoll naraw xi ġonna vertifikali – li jfissru li ħitan ta’ bini jew ħitan fit-toroq isiru litteralment ħajt iħaddar. Wieħed mill-aħjar eżempji li għandna hu dak li twettaq fir-Rabat Malta, fejn ħitan ta’ binja u ħajt pjuttost twil, inksew bi pjanti u llum jagħtu dehra mill-isbaħ. 

X’qiegħed isir b’mod żbaljat?

Dorna diversi postijiet f’Malta ma’ espert fil-flora Maltija.  Karatteristika li rajna hi dik li f’ħafna toroq fl-ibliet u l-irħula is-siġar qegħdin jitħawwlu fi qsari. Dan ovvjament joħloq sfidi kbar, kemm għax l-istess siġar ibatu ħafna fil-qsari speċjalment fis-sajf u kif ukoll għax dawk ma jistgħux jikbru u jimmaturaw bħal meta jkunu fl-art. 

L-ekoloġista qalilna li “l-idea għaliex jitħawwlu fil-qsari hi biex kif imutu jew xi ħadd jilmenta, kemm jaqbdu u jneħħu. Din hi mentalità żbaljata li rridu niġġildulha. Ma nistgħux nibqgħu naraw is-siġar bħala xi ħaġa ta’ xkiel. Ma nistgħux narawhom bħala ta’ inkonvenjent.  Qegħdin fi triq fejn lanqas naqra dell minn siġra m’hawn. Kieku hawn siġar imħawwlin fl-art jew ma’ faċċata, f’din it-triq hawn xi ftit tad-dell, apparti dehra ferm isbaħ. Fuq kollox is-siġar fil-qsari jridu manutenzjoni kontinwa. Meta tħawwilhom ftit li xejn iridu manutenzjoni ħlief iż-żabra. Nifhem u naċċetta li mhux kull siġra hi adattata li titħawwel fl-art. Hemm minnhom jistgħu jkunu ta’ inkonvenjent għar-residenti u anke għat-toroq. Hemm iżda ħafna siġar li ma joħolqu xejn minn dan. Hu sabiħ li bil-mod il-mod, dawn it-tip ta’ siġar mal-faċċati qegħdin jiżdiedu”. 

Ninċentivaw toroq bis-siġar

L-istess ekoloġista jipproponi soluzzjoni. “Hemm siġar bħal liedna – li hi Maltija, Bouganvilla, l-Oleander, iċ-Ċelestina u oħrajn li nistgħu nużaw biex insebbħu it-toroq tagħna. Dawn jagħtu kulur. Ma jagħmlux ħsara. Li rridu hu li naħdmu biex nibdlu l-mentalità tan-nies. Li min jista’ jħawwel siġra quddiem daru u jieħu ħsiebha. Nistgħu ninċentivaw lill-kunsilli biex jaħdmu għal dan il-għan. Ninċentivaw biex ikollna toroq iħaddru. Faċilment nistgħu nagħmlu kompetizzjonijiet għal isbaħ toroq imħaddrin”.

Itenni li “dan qiegħed ngħidu mhux għax jien nemmen fis-siġar biss, imma għax dan hu importanti ħafna kemm għall-kwalità tal-ħajja tagħna u anke għall-bidla bil-klima.  Immaġinak tħares u tgħix fi triq kollha bini bla ebda ħdura. Immaġina dik l-istess triq, b’xi siġar mal-faċċati. Ikollok qabża fil-kwalità. Ambjent isbaħ. B’miżuri bħal dawn inkunu qegħdin nippromwovu is-sostenibbilità. Li hemm bżonn bidla fil-mentalità”, jisħaq l-ekoloġist.

Il-mentalità trid tinbidel f’oqsma oħra

U x’rajna fit-toroq tagħna? Pajjiż bi problema kbira ta’ ilma, u li biex nipproduċuh qegħdin nonfqu flejjes kbar u imbagħad naraw nies jaħslu l-karozzi, faċċati, bankini u bibien b’xi pajp u bi pressa qawwija. Il-ħela ta’ ilma tkun evidenti, mill-mod ta’ kif jimxi l-ilma u sa fejn jasal xi drabi ferm ilbogħod mill-istess residenti.  Kien hemm żmien meta kont titwaqqaf milli tagħmel dan u tingħata multa. Illum, il-mistoqsija li tiġi hi dik ta’ fejn hu l-infurzar?

L-ekoloġist qalilna li “kellna każi ta’ kunsilli li spiċċaw jaslu t-toroq wara xi marċi tal-festi. Imma dan sostenibbli?  Din mhix ħela? Dan hu ilma li jista’ jiġi iffrankat u dan billi dak li nippjanaw anki fil-festi ikun jagħmel sens.”

Il-klima qed nibidel… ma nistgħux nistennew lil awtoritajiet… nibdew aħna minn djarna u mill-mod kif ngħixu

“Il-bidla fil-klima llum qegħdin narawha. Ara x-xejriet tal-maltemp li qiegħed ikollna. Nixfiet kbar. Imbagħad għargħar.  It-temperaturi għoljin, li qegħdin jiġu reġistrati qegħdin jaffettwaw lilna ilkoll. Rajna proprju ftit jiem ilu mewġa kbira ta sħana taħkem il-Mediterran, tant li fit-Turkija, ġew reġistrati temperaturi rekord ta’ 50 grad.  Faċli nippuntaw is-swaba lejn l-awtoritajiet fejn tidħol il-bidla fil-klima. Faċli ngħidu li mhux jagħmu biżżejjed. Jien li ngħid hu – qabel tipponta is-swaba lejn dak u lejn l-ieħor, għid jien x’qed nagħmel? 

Jien qed nagħmel xi ħaġa biex għallinqas inkun qiegħed nagħmel il-parti tiegħi? Jiddispjaċini ngħid li l-mentalità li għandna hi dik li qegħdin inħallu f’idejn l-awtoritajiet. Dan mhux biżżejjed. Irridu aħna, kull wieħed u waħda minnha nħarsu lejn l-għixien tagħna u nistaqsu x’qegħdin nagħmlu. Nibdew mit-trasport. Staqsi lilek innfisek kemm tuża tal-linja minkejja li hi bla ħlas. Staqsi lilek innifsek intix xi wieħed minn dawk li ġġib kull skuża biex ma tużax it-trasport pubbliku. Skużi li jvarjaw li ma jżommux il-ħin, li kun hemm ħafna barranin, li ddum biex tasal. Dawn huma biss skużi, li juru li sa issa għad m’aħnies lesti li nibdlu l-mentalià. U rriżultat ta’ dan hu li l-karozzi liċenzjati jibqgħu jiżdiedu. Problemi kbar ta’ parkeġġi u għalhekk aktar karozzi iduru ma’ toroq urbani, biex forsi jsibu parkeġġ u b’hekk jinħolqu aktar emissjonijiet.  Staqsi lilek innifsek jekk inti hux persuna li biex tmur x’imkien kantuniera bogħod trid tuża l-karozza. Staqsi x’tip ta’ karozza għandek, hix xi karozza kbira, u jekk intix wieħed minn dawk li tħalli l-magna tal-karozza taħdem fis-sajf meta tieqaf x’imkien biex ikollu l-arja kundizzjonata”, sostna magħna l-ekoloġist.

Ikompli li “hemm aktar. Dawk li qegħdin jibnu jew jixtru appartamenti, biex jikruhom u b’hekk ikollhom għall-kapriċċi. Konxju tal-iskart li qiegħed tipproduċi? Kemm inti konxju li tista’ tnaqqas dan l-iskart?  Qatt ħsibt fuq il-ħela tal-ikel?”.

L-argument li ma nistgħux inbiddlu għax żgħar… qed jagħti impressjoni li tista’ tibqa’ għaddejja l-ħela

Hu għal kollox żbaljat l-argument li nagħmlu ħafna minnha, dak li  aħna żgħar u għalhekk il-Maltin ma jistgħux ibiddlu id-dinja. Dan jista’ qiegħed jagħti l-impressjoni li kulħadd għandu jibqa’ għaddej fosthom il-ħela, il-lussu u stil ta’ ħajja li qiegħda titfa’ pressjoni fuq l-ambjent tagħna. Ir-realtà hi li jagħmlilna ħafna ġid kieku kollha kemm aħna nibdew nidraw inbiddlu ħajjitna  aħna, milli nispiċċaw ikollna inbiddluha xorta għax sfurzati nagħmlu minħabba li jiżdiedu l-effetti tal-bidla fil-klima. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport