Wednesday, June 18, 2025

‘Ix-xewqa tiegħi hi li nkompli nservi bħala delegat f’aktar logħbiet ta’ klabbs u timijiet nazzjonali fuq livell Ewropew fis-snin li ġejjin’ – Alan Grima

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?

Kollox beda lura fl-1994, meta kont fit-tielet sena tal-kors għall-Għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika fl-Universita’ ta’ Malta. Konna għamilna unit fuq handball ma’ Dr Michael Aquilina. Ftit żmien wara, Donald Dalli kien avviċina lil Louis Borg biex titwaqqaf l-Malta Handball Association (MHA). Louis Borg kien offrielna din l-opportunitá bħala studenti tar-raba’ sena. U minn hemm waqqafna l-MHA u league nazzjonali. Bdejna numru ta’ timijiet, amministrajna, lgħabna, u ħadna rwol ta’ referees u kowċis. Dak iż-żmien kont nilgħab il-futbol u nagħmel l-atletika. Qatt ma ħsibt li l-handball ser isir l-isport tiegħi.

Għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ delegat u kemm ilek delegat tal-European Handball Federation (EHF) fuq livell Ewropew?

Tista’ tgħid li bdejt bħala delegat minn meta fuq livell lokali ġie ntrodott dan ir-rwol. Wara numru ta’ snin, fl-2008 ġiet l-opportunita’ biex nattendi l-kors għad-delegati internazzjonali organizzat mill-European Handball Federation (EHF) ġewwa l-Ungerija. Għamilt il-kors u minn hemm bdiet l-esperjenza tiegħi fuq livell Ewropew. Issa ilni delegat tal-EHF għal dawn l-aħħar 17-il staġun.

X’inhu x-xogħol tiegħek minn meta tirċievi nominazzjoni sa wara l-logħba jew tmiem ta’ kompetizzjoni?

Meta delegat tal-EHF jiġi nnominat għal partita f’kompetizzjonijiet ta’ klabbs jew ta’ timijiet nazzjonali, hu jkollu rwol kruċjali ta’ superviżjoni u amministrazzjoni qabel, waqt u wara l-logħba. Malli jirċievi n-nomina, jibda jirrevedi d-dokumenti kollha marbuta mal-partita, fosthom il-listi tat-timijiet, informazzjoni dwar il-post fejn ser tintlagħab il-logħba, u r-regolamenti tal-kompetizzjoni. Hu jkun responsabbli wkoll li jikkuntattja lill-organizzaturi lokali, jiżgura li l-aspetti kollha organizzattivi u loġistiċi jkunu konformi mal-istandards tal-EHF, u jikkoordina mar-referees minn qabel. Malli jasal fil-post, id-delegat imexxi l-laqgħa teknika, jiċċekkja l-akkreditazzjoni tat-timijiet, u jiżgura li l-faċilitajiet, l-apparat u l-ambjent ikunu kollha skont il-linji gwida tal-EHF. Matul il-logħba, isegwi mill-qrib dak kollu li jiġri minn fuq il-mejda teknika, jagħmel ċert fuq l-osservanza tar-regoli u l-prinċipji ta’ fair play tal-EHF, u jindirizza kwalunkwe inċident jew irregolarità li jistgħu jinqalgħu. Jżomm ukoll komunikazzjoni kostanti mar-referees u l-uffiċjali ta’ fuq il-mejda biex jiżgura li l-logħba timxi bla xkiel. Wara l-partita, id-delegat iħejji u jibgħat rapport uffiċjali tal-partita, u f’każijiet ta’ dixxiplina, irregolaritajiet jew rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni, jagħmel rapport lill-EHF. Tul dan il-proċess kollu, id-delegat jaġixxi bħala r-rappreżentant uffiċjali tal-EHF fuq il-post, biex jassigura l-integrità u l-kwalità tal-kompetizzjoni.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek f’dan ir-rwol ta’ delegat fl-ambitu Ewropew.

Matul iż-żmien li ilni delegat tal-EHF, s’issa mexxejt 180 partita internazzjonali fejn ksibt esperjenza u għarfien importanti fil-logħba anke fil-livelli l-aktar għoljin fejn irrappreżentajt lill-EHF f’diversi kompetizzjonijiet u pajjiżi. Dejjem huwa ta’ unur kbir li naqdi dan ir-rwol, u huwa privileġġ li nkun parti minn logħbiet li fihom jieħdu sehem uħud mill-aqwa plejers u timijiet fl-Ewropa, u li naħdem ma’ referees, uffiċjali u amministraturi ta’ livell għoli. Kull partita ġġib magħha l-isfidi u l-opportunitajiet tagħha, li jagħmlu dan ir-rwol wieħed interessanti u sodisfaċenti. Ir-rwol ta’ delegat mhuwiex biss dwar preżenza u protokoll, imma huwa ukoll wieħed ta’ responsabbiltà kbira. Jeħtieġ għarfien profond tar-regoli u r-regolamenti tal-EHF, kif ukoll il-ħila li tapplikahom b’mod ġust u deċiż, ħafna drabi f’mumenti ta’ pressjoni. Trid tkun ippreparat biex iżżomm il-kalma f’sitwazzjonijiet intensi, u tiżgura li l-logħba tintlagħab b’mod korrett u bla xkiel. Dan ir-rwol jitlob professjonalità, diplomazija u serjetà, u għalija kien vjaġġ ta’ sodisfazzjon li nkun nista’ nagħti l-kontribut tiegħi lil dan l-isport f’isem Malta.

Hemm xi logħob jew kompetizzjonijiet li mexxejt barra minn xtutna li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn u għaliex?

F’dawn l-aħħar erba’ staġuni ġejt nominat għal erba’ finali fil-kompetizzjonijiet għall-klabbs fuq livell Ewropew. Li tkun qiegħed tmexxi logħbiet bejn timijiet tal-ogħla livell internazzjonali, bi plejers ta’ livell dinji, tagħtik responsabbiltà kbira xi ġġorr, imma hija xi ħaġa sabiħa u li nibqa’ niftakar. Fl-2022, mexxejt is-semifinali bejn Viborg HK tad-Danimarka u CS Minaur Baia Mare tar-Rumanija, u l-finali għall-ewwel post bejn Viborg HK tad-Danimarka u SG BBM Bietigheim tal-Ġermanja fil-Finals tal-European League tan-nisa ġewwa Viborg, id-Danimarka. Fl-2023, ġejt nominat għall-ewwel leg tal-finali tal-European Cup tan-nisa bejn Club Balonmán Atlético Guardés ta’ Spanja u Antalya Konyaalti BSK tat-Turkija ġewwa Pontevedra, Spanja. Fl-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra, mexxejt is-semifinali bejn SG Flensburg-Handewitt tal-Ġermanja u Dinamo București tar-Rumanija, u l-finali għat-tielet post bejn Dinamo București tar-Rumanija u Rhein-Neckar Löwen tal-Ġermanja fil-Finals tal-European League tal-irġiel ġewwa Hamburg, il-Ġermanja. Esperjenza mill-isbaħ quddiem aktar minn 10,000 spettatur. Filwaqt li fil-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena, għamilt is-semifinali bejn HSG Blomberg-Lippe tal-Ġermanja u Ikast Håndbold tad-Danimarka, u l-finali għat-tielet post bejn HSG Blomberg-Lippe tal-Ġermanja u JDA Bourgogne Dijon ta’ Franza fil-Finals tal-European League tan-nisa ġewwa Graz, l-Awstrija. Apparti minn hekk, nibqa’ niftakar ukoll kull parteċipazzjoni fil-Euros tal-Younger Age Categories f’dawn l-aħħar snin, minħabba li tkun qiegħed tara t-talent li tiela’ fuq livell Ewropew, bi plejers li fi ftit snin ikunu diġà qed jilagħbu mal-aqwa timijiet, kemm fuq livell ta’ klabbs kif ukoll nazzjonali.

F’April tal-2021, kont l-ewwel Malti li qatt ġejt elett waqt Kungress tal-EHF.  Ġewwa Vjenna,  inti sirt membru tal-Court of Handball (COH). Xi rwol għandu l-COH fl-istruttura tal-EHF u x’każijiet jieħu deciżjonijiet fuqhom?

Il-COH għandu rwol ewlieni fil-ħarsien tal-integrità, il-ġustizzja u l-ordni legali tal-kompetizzjonijiet tal-handball taħt il-ġurisdizzjoni tal-EHF. Il-COH hija il-qorti tal-ewwel istanza responsabbli biex tieħu deċiżjonijiet fuq każijiet dixxiplinarji u legali li jinqalgħu mill-kompetizzjonijiet, l-avvenimenti u l-operazzjonijiet tal-EHF.Il-każijiet jistgħu jkunurelatati ma’ ksur dixxiplinarju, bħal mġiba mhux sportiva, fouls gravi, imġiba ħażina minn plejers, uffiċjali tat-tim, jew spettaturi, kif ukoll ksur tar-regolamenti tal-EHF. Ix-xogħol jinvolvi l-analiżi ta’ rapporti, filmati, u dikjarazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll l-applikazzjoni tal-qafas legali u dixxiplinarju skont ir-regolamenti legali tal-EHF.Huwa mportanti u meħtieg li kull membru jżomm imparzjalità, kunfidenzjalità u indipendenza waqt li jevalwa kull każ b’mod ġust. Id-deċiżjonijiet tal-COH jistgħu jinkludu twissijiet, multi, sospensjonijiet, jew miżuri oħra li jitqiesu xierqa. Dan ir-rwol jeħtieġ fehim b’saħħtu tal-governanza tal-handball, għarfien tal-logħba, kompetenza legali u ġudizzju sod, u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kredibbiltà u t-tmexxija kif suppost tal-kompetizzjonijiet tal-EHF.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-handball bħala delegat u membru tal-COH fi ħdan il-EHF?

Ix-xewqa tiegħi hi li nkompli nservi bħala delegat f’aktar logħbiet ta’ klabbs u timijiet nazzjonali fuq livell Ewropew fis-snin li ġejjin. Fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħi bħala membru tal-Court of Handball (COH), fil-Kungress tal-EHF li se jsir f’Settembru li ġej, ser ikun hemm l-elezzjonijiet għall-erbgħa snin li ġejjin. Il-Malta Handball Association (MHA) innominatni mill-ġdid għal din l-istess pożizzjoni, u nittama li nkun nista’ niġi elett għal mandat ieħor. Naturalment, dan mhux xi ħaġa faċli.

Kif tqis il-livell tal-handball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-persuni li mexxew il-handball Malti matul is-snin dejjem għamlu dan bl-iskop li jiżviluppaw u jkabbru dan l-isport. Naturalment, jeżistu ħafna sfidi u diffikultajiet. Madankollu, rajna xi prestazzjonijiet pożittivi fuq livell internazzjonali, kemm fil-handball ta’ ġewwa kif ukoll fil-beach handball. Fil-futur, huwa essenzjali li nibqgħu naħdmu flimkien f’direzzjoni waħda, sabiex inkomplu nsaħħu dan l-isport fuq diversi livelli, miż-żieda fil-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, sa titjib fil-formazzjoni tal-kowċis, kif ukoll il-ħolqien ta’ klabbs iżjed sostenibbli u stabbli.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-handball anke fir-rwol li tokkupa int.

Il-handball huwa sport dinamiku b’ħafna gowls, mimli b’veloċità, ħiliet, intensità fiżika, teamwork u azzjoni kontinwa li jagħmluh wieħed mill-isports l-aktar eċċitanti biex tilgħab u tara. Jekk tħobb l-isport, il-handball huwa l-logħba għalik. U jekk diġà tħobb il-handball, għaliex ma tħallix dik il-passjoni tiżviluppa fi rwol ta’ kowċ, referee, uffiċjal jew amministratur.  Għal dawk li jixtiequ jsiru delegat, dan huwa rwol ibbażat fuq responsabbiltà u dedikazzjoni, fejn it-tmexxija tiegħek hija importanti ħafna fil-logħba. Agħmel l-aħjar użu minn kull opportunità biex tikber! Il-handball lokali jeħtieġ nies bħalek!  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport