Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt inħobb il-futbol mill-iskola u għax kont nara lil ħuti jilagħbu.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birżebbuġia SP.
Ma’ Birzebbugia SP ninsab għal qalbi ħafna … għandna grupp tal-ġenn, atmosfera sabiħa ħafna u tim magħqud.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Ifhem, sa issa l-andament tal-istaġun għalina huwa wieħed tajjeb ħafna. Ninsabu fl-ewwel post tal-kampjonat flimkien ma’ Vittoriosa Stars u qegħdin naħdmu ħafna bix nippruvaw niksbu l-promozzjoni għall-BOV Challenge League.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragwardi tagħna fil-bidu tal-istaġun kienu dawk li niġu fit-Top Six peró issa la qegħdin l-ewwel ovvjament naħseb li t-tragward tagħna għandu jkun il-promozzjoni għall-BOV Challenge League.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Naħseb li l-futbol sar iktar interesanti mill-BOV Challenge League san-National Amateur League 2. Ma nistax ngħid l-istess għall-Malta Premier għaliex fl-opinjoni tiegħi b’dawk il-plejers barranin kollha ma tantx għad hemm interess biex tmur tara logħba, u fl-aħħar mill-aħħar, xorta waħda qatt s’issa għadu tim Malti ma kkwalifika fgħall-fażi tal-gruppi fl-Ewropa, jiġifieri jien naħseb li ma morniex ‘il quddiem, pjuttost lura meta tara kemm ikun hemm partitarji l-grawnd u l-atmosfera li jkun hemm.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds, naħseb li għamilna passi ‘l quddiem speċjalment meta tqis li jien trabbejt nilgħab fuq iż-żrar ġewwa Birzebbugia.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek fil-beach soccer ma’ Naxxar?
Il-beach soccer huwa sport għal qalbi ħafna. Sfortunatamnet matul is-sena li għaddiet bħala Naxxar inqlajna fis-semi-finali u ma kellix ix-xorti li nirbaħ xi ħaga ma’ dan it-tim li għadu għal qalbi ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ix-xewqa li għandi fil-futbol hi dik li nara lil Birzebbugia SP jilagħbu fil-Malta Premier, u ovvjament nilgħab ma’ Birzebbugia fil-BOV Challenge League, u ovvjament jekk xi darba nkunu Premier nilgħab magħhom hemmhekk ukoll!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lit-tfal u ż-żgħażagħ huwa biex l-ewwelnett jieħdu pjaċir jilagħbu l-futbol u jeħduh bis-serjetá għax il-ħajja ta’ futboler jaf tkun qasira u kiefra, allura l-messaġġ tiegħi huwa li jgawduh kemm jistgħu, għax qatt ma taf meta l-aħħar li se tilgħab il-futbol!