Tuesday, December 24, 2024

“Ix-xewqa tiegħi li mmur barra minn Malta biex inkompli nistudja ħa nsir kantant aħjar”

Kyran Bonello, rebbieħ tat-tieni edizzjoni ta' Malta's Got Talent

Aqra wkoll

Kyran Bonello hu r-rebbieħ tat-tieni edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent. It-tfajjel li hu abbati fil-Parroċċa ta’ Santa Liena f’Birkirkara, għandu għal qalbu l-kant filwaqt li jixtieq isir qassis. Hu kanta l-kanzunetta Nella Fantasia tal-kompożitur tal-films Ennio Morricone fejn hawn spikkaw in-noti għolja mmens tiegħu bit-talent li hu wieħed bla diskussjoni. Hu kien akkumpanjat ukoll fuq il-palk minn għadd ta’ żeffiena tal-ballet.

Kyran spiċċa fuq quddiem sabiex fit-tieni post kien hemm il-grupp Dancing Angels filwaqt li Beth ġiet it-tielet. Sadanittant, il-finalisti tat-tieni staġun ta’ ‘Malta’s Got Talent’ kienu Kyran Bonello, Street Elements, Beth, United Performers, Olivia Lillith, Guitar Projects, La Voix Harmonies, Dancing Angels u Sheron Grixti.

Inċidentalment, iż-żagħżugħ Karkariż kien wieħed fost erba’ kontestanti li matul din l-edizzjoni għaddew dirett għas-semifinali permezz tal-Golden Buzzer. Il-Golden Buzzer, ingħatalu mill-membru tal-ġurija, Sarah Zerafa.

Kyran ma setax jemmen li rebaħ dan il-konkors. Bid-dmugħ f’għajnejh, hu rringrazzja lil kull min emmen fil-ħiliet artistiċi tiegħu u li wassluh għal dan il-pass daqstant importanti.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Kyran Bonello fejn ftit sigħat wara li għadda minn dan kollu lanqas seta’ jemmen dak li kien għaddej minnu.

Saqsejnieh kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-kant. “Niftakar li kont mal-ġenituri f’post partikolari fejn kien qed jindaqq il-karaoke. Jien tħajjart immur inkanta u kulħadd kien kuntent jismagħni. Ommi pproponietli sabiex nibda nitgħallem il-kant u jien m’għedtx le. Minn hemm nibtet ukoll din l-imħabba li eventwalment saret dejjem aktar profonda.”

“Meta kont immur għand in-nanna kont insegwi ħafna r-radju speċjalment il-mużika sagra li hi tant tħobb tisma’. Anke hawn meta kien ikun hemm xi quddiesa kantata, kienet l-għaxqa tiegħi nsegwiha minħabba l-mużika sagra. Ma nistax ngħidlek kemm hi sabiħa l-mużika u kemm iġġibli ferħ.”

Kyran semma’ lil Gillian Attard li hi l-għalliema tal-kant tiegħu li tatu ċ-ċans sabiex itejjeb il-ħiliet vokali tiegħu.

“Gillian tgħinni ħafna sabiex intejjeb il-ħiliet tiegħi u għal dan kollu nirringrazzjaha ħafna. Hi qed tgħinni wkoll biex nipproġetta l-vuċi bl-aqwa mod possibbli u dak li ħareġ waqt Malta’s Got Talent hu kollu mertu tagħha.”

Kyran kellimna wkoll dwar ix-xewqa tiegħu li jsir qassis. Hu qalilna li jixtieq jagħmel il-ġid lill-komunità filwaqt li jħalli kollox f’idejn Alla. Fil-fatt hu jitlob ħafna u jħalli l-futur tiegħu f’idu.

Kyran stqarr li r-rebħa ma stennihiex. Fil-fatt hu sostna li lanqas ma basar li se jingħata l-Golden Buzzer.

Huwa ddedika din ir-rebħa lill-poplu Malti u Għawdxi li tant emmen fih u sellem lill-abbatini li flimkien miegħu jservu bl-aqwa mod possibbli fil-Bażilika ta’ Santa Liena, f’Birkirkara.

Iżda Kyran jitħajjar imur barra minn Malta jistudja aktar dwar il-vuċi u jipperfezzjona l-ħiliet vokali tiegħu?

“Iva hi x-xewqa tiegħi li mmur barra minn Malta, forsi nistudja hemmhekk ħa nsir kantant aħjar. Jien bniedem umli u għalkemm irbaħt mhux se ngħid li naf kollox.”

Kyran Bonello qal li minkejja li kienu kompetituri, il-kontestanti kollha saru ħbieb, xi ħaġa li għoġbitu ħafna għax kellu ċ-ċans isir jaf nies ġodda.

Hu qal ukoll li l-ġeneru tal-opri jogħġbuh ħafna għax hemm għandek teknika raffinata tal-vuċi li fiha jkun hemm bidla kontinwa minn noti għoljin għal oħrajn baxxi. Meta saqsejnieh dwar kif jara l-futur tiegħu, Kyran pront pront qalilna li hu jħalli f’idejn il-Mulej Alla fejn iħalli lilu jmexxih fit-triq tas-sewwa. Tenna l-ħajra li jsir qassis sabiex ikun jista’ jgħin lill-oħrajn partikolarment dawk li huma fil-bżonn. 

Hu xtaq iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“L-ewwel u qabel kollox, ngħidilhom sabiex jibqgħu umli u qatt ma tikbrilhom rashom jekk ikunu rebħu xi ħaġa. Jien ngħid li dejjem hemm x’titgħallem u taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed.”

Finalment Kyran Bonello xtaq iwassal xi ringrazzjamenti speċjali lil diversi persuni li għenuh jilħaq dan it-tragward li anke għalih kien wieħed ta’ sorpriża.

“L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi li dejjem emmnu fija sa mill-bidu u li ħeġġuni sabiex nibda nitgħallem il-kant. Ma nistax ninsa lill-għalliema tiegħi Gillian Attard li tant tagħtini kuraġġ u ħeġġa sabiex immur tajjeb. Fuq kollox, nirringrazzja lill-ħbieb tiegħi tal-iskola tal-messaġġi sbieħ li rċevejt u anke sħabi l-abbatini li dejjem ħeġġuni u tawni kuraġġ.”

“Finalment ma rridx ninsa lill-aqwa wieħed, dak li bis-saħħa tiegħu jien qiegħed hawn; lil Alla li dejjem iħarisni. Jien tant nemmen fih u tant nixtieq li permezz tiegħu ngħin lil ħaddieħor. Inħalli f’idejH sabiex imexxini fejn jixtieq hu.”

Ekonomija

Sport