Sunday, November 24, 2024

Ix-xirja li għoliet bi 12 fil-mija

Importatur jgħid li s'issa f'pajjiżna s-sitwazzjoni hija aħjar minn ta' pajjiżi oħra

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur u ġimgħat, f’pajjiżna l-istess kif qed jiġri madwar id-dinja, il-konsumaturi esperjenzaw żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Fil-fatt, ammont kbir ta’ prodotti kellhom żieda fil-prezz tagħhom u dan minħabba diversi fatturi. Fost il-fatturi kien hemm il-fatt li għal diversi xhur il-konsum kien naqas minħabba l-pandemija u mbagħad meta l-ekonomiji reġgħu bdew bil-mod il-mod jirkupraw inqalgħu problemi marbutin mal-ivvjaġġar u l-ġarr tal-prodotti bil-baħar, fejn minħabba nuqqas ta’ spazju u nuqqas ta’ kontejners kien żdied sew il-prezz tal-ġarr. Fl-aħħar xhur imbagħad rajna l-gwerra fl-Ukrajna fejn din affettwat sew ukoll għadd ta’ prodotti tal-ikel u materji oħra, li kollha esperjenzaw żidiet fil-prezz. 

Xirja għoliet bi 12 fil-mija… dik li kienet tiġi €127.03 saret €142.68

Kienu diversi dawk il-konsumaturi li tkellmet magħhom Talk.mt u li urewna kif għolew ix-xirjiet tagħhom. Ovvjament, ix-xirjiet u l-prezzijiet u żieda tagħhom ivarjaw. Xirja partikolari li kienet saret diversi xhur ilu meta tqabbilha ma’ xirja eżatt bħalha li saret fl-aħħar jiem, issib li din żdiedet fil-prezz bi 12 fil-mija jew €15.65. Ix-xirja li diversi xhur ilu kienet tiġi €127.03 issa saret tiswa €142.68.

“Għolew ammont kbir ta’ prodotti… qed nistennew aktar żidiet”

Sid ta’ ħanut tal-merċa qalilna li “ilna għal diversi xhur nesperjenzaw żidiet. Konna qegħdin nistennewhom. It-tama tagħna kienet u dan kienu qed jgħiduhulna anke rappreżentanti li jiġu għandna, li matul din is-sena, dik ir-rankatura fiż-żieda fil-prezzijiet kellha tibda  tistabbilizza ruħha. Ġara imma li faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna u l-inċertezza żdiedet sew. Minn ftit wara li faqqgħet il-gwerra bdejna niġu nfurmati li l-prezzijiet tal-ikel se jkomplu jogħlew għallinqas għax-xhur li ġejjin.”

Il-pressjoni minn barra hi kbira

Importatur li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “l-pressjoni minn barra hi kbira. Kien hemm żidiet qawwija fil-prezzijiet tat-trasport u anke fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan kollu beda jaffettwa l-prodotti u l-prezzijiet tagħhom. La jkun hemm pressjoni minn barra u x-xogħol jibda jogħla minn barra, dan imbagħad jirrifletti ukoll fis-suq lokali.  Jidher li din il-pressjoni se tkompli. Kemm se ddum ma nafux, imma l-previżjonijiet tiegħi huma li għandna diversi xhur oħra nesperjenzaw din is-sitwazzjoni”.

Tenna li “hu minnu li f’Malta bħall-bqija tad-dinja rajna żidiet fil-prezzijiet. Li nista’ ngħid u dan anke mill-kuntatti li jkollna ma barra, li sa issa f’Malta hawn sitwazzjoni aħjar minn pajjiżi oħra. Fis-sens li hawn l-inflazzjoni mhix qawwija daqs pajjiżi oħra. Dan għax il-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija baqgħu baxxi. Li nista’ ngħid hu li sa issa f’Malta għandna l-orħos prezz tad-dijżil fl-Unjoni Ewropea u għandna wieħed mill-irħas prezzijiet tal-petrol.”

Sitwazzjoni imprevedibbli

Analista li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li l-gwerra fl-Ukrajna irriżultat f’żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u hi din li qed iżżid il-prezzijiet. “Meta għolew il-prezzijiet tal-enerġija, ġie affettwat kollox.  Iż-żidiet li qed naraw fil-prezzijiet tal-ikel, hi l-għola waħda  fl-aħħar 14-il sena. L-inflazzjoni tant qed terfa’ rasha u din sa issa mhux magħruf meta se tikkalma, li diversi banek huma mistennija li jibdew jgħollu ir-rati ta’ interessi matul din is-sena. Għalkemm għadu xi ftit kmieni biex wieħed ibassar, kollox qed jindika li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet se jwasslu biex  jiġi affettwat it-tkabbir ekonomiku previst għas-sena 2022 mill-pajjiżi madwar id-dinja.  Jekk nieħdu l-prezz taż-żejt naraw li dan hu previst li bħala medja jkun ta’ $100 ‘l barmil għal din is-sena. Dan ifisser li hu madwar 40 fil-mija aktar minn kemm kien fis-sena 2021. Dan hu l-ogħla prezz sa mis-sena 2013.  Bħalissa l-previżjonijiet huma li għas-sena 2023, il-prezz taż-żejt jimmodera għal medja ta’ $92 ‘lbarmil, li jfisser li jkun madwar $30 ‘lbarmil aktar minn kemm kien il-prezz medju fl-aħħar ħames snin, jiġifieri ta’ $60 ‘lbarmil.”

L-istess analista qalilna li hu inkwetanti dak li qal il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ftit jiem ilu, jiġifieri li l-gwerra fl-Ukrajna se taffettwa l-irkupru ekonomiku globali mill-pandemija. Fil-fatt it-tkabbir ekonomiku qawwi li kien previst u li kien  stmat li se jkun ftit aktar minn 6 fil-mija, issa hu previst li se jonqos bi kważi n-nofs għal 3.6 fil-mija.”

Sport