Thursday, November 14, 2024

Ix-xitwa meteoroloġika li għaddiet ipproduċiet biss 115.8 mm xita

Aqra wkoll

Ix-xitwa meteoroloġika li għaddiet ipproduċiet biss 115.8 mm xita, jiġifieri ftit anqas minn nofs it-total mistenni għal dan l-istaġun skont in-norma klimatika għal bejn l-1991 u l-2020. L-aħħar xitwa meteoroloġika li matulha l-gżejjer Maltin irreġistraw aktar xita min-norma klimatika kienet dik ta’ bejn Diċembru 2014 u Frar 2015, meta kienu tkejlu 312.7 mm xita.

It-tliet xhur tax-xitwa meteoroloġika 2021/2022 kienu lkoll aktar xotti min-norma klimatika rispettiva tagħhom, iżda Frar kien bil-wisq l-aktar xott, hekk kif l-ammont ta’ xita li niżel matulu kien kważi 65 mm anqas min-norma. L-ewwel jum ta’ Frar, li pproduċa 3.2 mm xita flimkien ma’ istanzi ta’ silġ u l-aktar buffura riħ qawwija tax-xahar ta’ 55 knots, seta’ ta l-impressjoni li x-xahar kien ser ikun wieħed milwiem u jpatti xi ftit għax-xahrejn ta’ qablu. Madankollu, sal-aħħar tax-xahar, kienu niżlu biss 4.0 mm xita, u b’hekk Frar li għadda tniżżel fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku ma’ dawk l-aktar xotti.

Filwaqt li x-xita u l-maltempati bir-ragħad – li ammontaw għal biss tlieta matul l-istaġun kollu – kienu skarsi, is-sigħat xemxin ma naqsux. Ix-xhur tax-xitwa kollha kellhom kopertura ta’ sħab aktar baxxa min-norma klimatika. Dan kien wieħed mill-fatturi li wasslu sabiex ix-xitwa kienet ħafna aktar xemxija milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, bil-gżejjer Maltin igwadu minn kważi 55 siegħa xemxin aktar min-norma ta’ 522 siegħa.   

Matul l-istaġun, it-temperatura tal-arja medja kienet 0.6°C aktar baxxa min-norma klimatika ta’ 13.3°C. Filwaqt li t-temperatura tal-arja massima għall-istaġun tax-xitwa li għadda kienet ta’ 18.9°C u ntlaħqet l-għada tal-Milied, l-aktar temperatura baxxa niżlet għal 4.2°C fil-25 ta’ Jannar. Ħarsa lejn l-arkivji tal-Uffiċċju Meteoroloġiku turi li mill-1923 ’l hawn, l-aktar temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata mill-Uffiċċju kienet ta’ 1.4°C fid-29 ta’ Jannar 1981.

Ekonomija

Sport