Meta tisma’ lil Professur Renald Blundell jitkellem dwar ix-xjenza, ma tistax ma tinħakimx bil-passjoni u l-entużjażmu li jesprimi f’kull kelma li jlissen. Għalih, ix-xjenza mhix biss karriera iżda hi vokazzjoni, impenn morali, u sfida kontinwa biex tifhem aktar dwar il-bniedem u d-dinja ta’ madwarna.
Illum, wara aktar minn tletin sena ta’ ħidma xjentifika u akkademika, Prof. Blundell reġa’ kiseb rikonoxximent internazzjonali prestiġġjuż: ġie kklassifikat fost l-aqwa 2.8% ta’ 2.6 miljun xjentist fid-dinja, skont informazzjoni xjentifika globali li tkejjel l-impatt tar-riċerka u l-informazzjoni akkademika.
Imma meta staqsejnieh kif iħossu dwar dan l-unur, hu jwieġeb b’umiltà tipika:
“Din mhix kwistjoni ta’ glorja personali. Wara tant snin ta’ sagrifiċċju, xogħol u perseveranza, hu sabiħ tara riżultat trasparenti li juri l-impatt ta’ dak li għamilt. Imma l-akbar sodisfazzjon tiegħi jibqa’ meta x-xogħol tiegħi jgħin lil ħaddieħor jew jiftaħ bibien ġodda għar-riċerkaturi żgħażagħ.”
Il-vjaġġ xjentifiku ta’ Prof. Blundell beda fl-Università ta’ Edinburgh, fejn sar jaf mill-qrib l-metodu internazzjonali lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Hemmhekk, bdew jiffurmaw il-valuri li sa llum għadhom jiggwidawh: il-bżonn li x-xjenza tkun etika, sostenibbli u ddedikata għall-benesseri tal-bniedem. “F’Edinburgh tgħallimt ħafna,” jgħid hu b’tbissima nostalġika. “Imma fuq kollox tgħallimt li x-xjenza qatt ma tispiċċa hija proċess li dejjem iġiegħlek tfittex aktar, tiddubita aktar, u titgħallem aktar.”
Wara l-esperjenza tiegħu barra, hu rritorna Malta b’ħeġġa li jdaħħal bidla. L-Università ta’ Malta kienet il-bażi fejn hu beda jintroduċi oqsma ġodda ta’ studju u riċerka, bħal herbal medicine bioteknoloġija tal-ikel, teknoloġiji ambjentali u aktar riċentement, l-integrazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fix-xjenzi naturali u mediċi.
“Meta bdejt nitkellem dwar herbal medicine u testijiet fuq il-DNA, ħafna kienu jqisuhom affarijiet futuristiċi jew saħansitra riskjużi,” jgħid hu. “Illum dawn saru oqsma eżistenti u meqjusa bħala essenzjali. Dak juri kemm kienet mixja diffiċli imma li minnhom illum tara l-frott.”
Il-klassifika internazzjonali li fiha ġie inkluż il-Professur hija waħda bbażata fuq indikaturi bħall-H-index, i10-index u n-numru ta’ ċitazzjonijiet totali u reċenti. Dawn huma miżuri li jkejlu kemm xogħol xjentifiku jkun referenzjat minn oħrajn, indikazzjoni ċara tal-influwenza li għandu fuq ir-riċerka globali. Fil-fatt, Prof. Blundell ikklassifika 170,234 għall-ammont totali ta’ riċerki (madwar l-aqwa 6.5% fid-dinja) u 74,783 għar-riċeka reċenti (l-aqwa 2.8%).
Għalih, dawn iċ-ċifri mhumiex sempliċiment numri. “Dawn juru li l-ħidma li tagħmel tgħix anke lil hinn minnek,” jgħid. “Meta x-xogħol tiegħek jintuża, jiġi kkwotat jew jiġi mibni fuqu, tkun taf li tassew qed tagħti sehmek lil dinja aħjar. U l-aktar ħaġa sabiħa hi li din il-kontribuzzjoni ġejja minn Malta, pajjiż żgħir imma bi mħuħ kbar.”
Il-karriera xjentifika mhix triq faċli. Prof. Blundell ma jaħbix li kien hemm żminijiet fejn kellu jissagrifika ħafna: ħin personali, stabbiltà finanzjarja, u anke rikonoxximent immedjat. “Il-verità hi li mhux dejjem l-istituzzjonijiet jagħtu l-valur li jixraq lir-riċerkaturi tagħhom,” jgħid hu b’onestà. “Hemm kultant sens ta’ nuqqas ta’ trasparenza jew biżżejjed appoġġ. Imma għalija, ix-xjenza dejjem kienet sejħa. U meta tkun imsejjaħ għal xi ħaġa, tkompli tagħmilha b’passjoni, mhux li jkollok premju f’moħħok.”
Dan is-sentiment jagħti ħajja lill-karattru tiegħu, xjentist li jemmen li l-għan aħħari tar-riċerka huwa s-servizz lejn is-soċjetà. Hu jżid: “Ir-riċerka ma tistax tkun elitista jew magħluqa fil-laboratorju. Għandha tkun trasparenti, aċċessibbli, u fuq kollox, utli għall-bniedem.”
Lil hinn mix-xogħol akkademiku tiegħu, Prof. Blundell huwa wkoll magħruf bħala motivatur u ispirazzjoni għal ħafna żgħażagħ riċerkaturi. Hu jemmen li t-talent lokali għandu potenzjal kbir, imma għandu bżonn direzzjoni u fiduċja. “Kultant naraw studenti Maltin jiksbu suċċessi kbar barra minn Malta, u nibqa’ naħseb kemm setgħu għamlu dan hawnhekk kieku kellhom l-istess appoġġ,” jgħid b’sens ta’ kuraġġ u sfida.
L-impenn tiegħu fit-tagħlim mhuwiex limitat għal-laboratorju. Hu jara l-edukazzjoni bħala proċess ħaj, fejn l-istudenti huma parti integrali mir-riċerka. “Ma nħarisx lejn l-istudenti bħala numri jew kandidati, imma bħala kollegi fil-bidu ta’ mixja. Kull wieħed għandu potenzjal li jkompli l-ħidma li bdejna.”
Meta nistaqsuh dwar x’jistenna għall-futur tax-xjenza f’Malta, Prof. Blundell jitkellem b’mod ċar: “Hemm ħafna aktar x’naraw quddiemna. L-intelliġenza artifiċjali ser tibdel kollox mhux biss fil-mediċina, imma fl-ambjent, fl-ikel, u fil-mod kif nieħdu ħsieb l-informazzjoni tagħna. U f’Malta, għadna lanqas bdejna verament nużawha. Imma jekk inħarsu lejn it-teknoloġija bħala għodda għall-ġid, mhux bħala periklu, nistgħu nagħmlu avvanzi kbar.”
L-entużjażmu tiegħu lejn l-AI mhux biss teoriku hekk kif hu diġà qed jaħdem fuq proġetti li jgħaqqdu x-xjenza naturali mal-algoritmi intelliġenti biex janalizzaw mudelli bijoloġiċi kumplessi u jtejbu sistemi ta’ prevenzjoni fil-mediċina. “Ix-xjenza ma tistax tibqa’ statika,” jgħid hu. “Hija ħajja trid tiżviluppa, trid taddatta, trid tkompli tistaqsi.”
Ir-rikonoxximent li kiseb dan l-aħħar mhux biss jikkonferma l-eċċellenza tiegħu, iżda wkoll il-preżenza dejjem tikber tal-Maltin fix-xena xjentifika internazzjonali. Għall-Professur Blundell, dan hu messaġġ ta’ tama u motivazzjoni: “Kultant naħsbu li għax ġejjin minn pajjiż żgħir ma nistgħux nagħmlu impatt. Imma x-xjenza ma tħarisx lejn id-daqs jew il-popolazzjoni iżda tħares lejn l-ideat u l-integrità. Dak li jgħodd hu kemm int lest tagħti minn qalbek u kemm tħobb dak li tagħmel.”
Hekk kif nitkellmu, wieħed jinnota li minkejja d-deċennji ta’ suċċess, ix-xewqa ta’ Prof. Blundell biex jitgħallem u jiġġedded għadha sħiħa daqs l-ewwel jum. Għalih, ix-xjenza tibqa’ sfida kontinwa, imma wkoll rigal.
“Ma nħossx li wasalt. Għad hemm ħafna xi nagħmel u x’nara. Ix-xjenza hi bħal ħajja għax kull darba li taħseb li wasalt, tiftaħ bibien ġodda. U dak hu s-sabiħ tagħha.”
Prof. Renald Blundell jibqa’ eżempju ħaj ta’ kif dedikazzjoni, etika u passjoni jistgħu jagħmlu differenza reali, mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja kollha. Il-messaġġ tiegħu hu wieħed ċar: l-eċċellenza ma tiġix bil-premji, imma bil-konvinzjoni li dak li tagħmel tassew jagħmel sens.
Ix-xogħol ta’ Prof. Blundell hu xhieda li Malta tista’ toħloq u timxi mal-aqwa xjentisti fid-dinja. Imma fuq kollox, hu jfakkarna li x-xjenza, bħall-ħajja stess, titlob passjoni, paċenzja u qalb kbira – u f’dan, ftit huma li jlaħħqu ma’ Prof. Renald Blundell.

