Ix-xjenza m’għandhiex limitu. Bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, issa x-xjenzati bdew ix-xogħol fuq proġett kontroversjali biex jinħolqu l-pedamenti tal-ħajja umana mill-bidu, f’dak li hu maħsub li hu l-ewwel esperiment fid-dinja. Ir-riċerka kienet tabù sa issa minħabba tħassib li tista’ twassal għal trabi ddisinjati apposta jew bidliet mhux previsti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Iżda issa, l-akbar għaqda tal-karità medika fid-dinja, il-Wellcome Trust, tat £10 miljun inizjali biex jinbeda l-proġett li għandu l-potenzjal li jagħmel aktar ġid milli ħsara billi jaċċellera t-trattamenti għal ħafna mard inkurabbli.
Dr Julian Sale, tal-Laboratorju tal-Bijoloġija Molekulari f’Cambridge, li huwa parti mill-proġett, qal li r-riċerka kienet il-qabża ġganteska li jmiss fil-bijoloġija. Filwaqt li qal li “s-sema’ huwa l-limitu”, sostna li qed iħarsu lejn terapiji li jtejbu l-ħajjiet tan-nies billi jwasslu għal xjuħija aktar b’saħħitha u b’inqas mard.
Ix-xjenzati qed jużaw dan l-approċċ biex jiġġeneraw ċelloli reżistenti għall-mard li jistgħu jinużaw biex jerġgħu jirranġaw organi bil-ħsara, pereżempju fil-fwied u l-qalb, u anke s-sistema immunitarja.
Iżda hemm min għandu bosta dubji dwar dan l-iżvilupp tant li l-kritiċi jibżgħu li r-riċerka tista tiftaħ it-triq għal riċerkaturi bla skrupli li qed ifittxu li joħolqu bnedmin modifikati.
Id-direttur tal-grupp tal-kampanja Beyond GM, jgħid li minkejja li x-xjentisti qegħdin hemm biex jagħmlu t-tajjeb, ix-xjenza iżda tista’ tintuża mill-ġdid biex tagħmel il-ħsara u anki toħloq il-gwerer.
Id-dettalji tal-proġett ingħataw fil-25 anniversarju mit-tlestija tal-Proġett tal-Ġnoma tal-Bniedem, li mmappja l-molekuli fid-DNA tal-bniedem u kien ukoll iffinanzjat fil-parti l-kbira minn Wellcome.
Kull ċellula f’ġisem il-bniedem fiha molekula msejħa DNA li ġġorr l-informazzjoni ġenetika. Id-DNA hija mibnija minn erba’ blokki ħafna iżgħar imsejħa A, G, C u T, li huma ripetuti darba wara l-oħra f’diversi kombinazzjonijiet. B’mod tal-għaġeb, id-DNA fiha l-informazzjoni ġenetika kollha li fiżikament tagħmilna min aħna.
Il-“Human Genome Project” ippermetta lix-xjenzati jaqraw il-ġeni umani kollha bħal barcode. Ix-xogħol il-ġdid li qed jibda, imsejjaħ “Synthetic Human Genome Project”, potenzjalment jieħu dan il-pass kbir ’il quddiem li jippermetti lir-riċerkaturi mhux biss jaqraw molekula ta’ DNA, iżda joħolqu partijiet minnha wkoll.
L-ewwel għan tax-xjentisti huwa li jiżviluppaw modi kif jinbnew blokki dejjem akbar ta’ DNA uman, sal-punt fejn ikunu bnew kromosoma umana b’mod sintetiku. Dawn fihom il-ġeni li jirregolaw l-iżvilupp, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-ġisem.
Ħafna mard iseħħ meta l-ġeni jaħdmu ħażin u l-istudji jistgħu jwasslu għal trattamenti aħjar, skont il-Prof Matthew Hurles, direttur tal-Wellcome Sanger Insititute li sekwenza l-akbar proporzjon tal-Human Genome.
Ix-xogħol tal-proġett se jkun limitat għal tubi tat-test u platti u mhux se jkun hemm tentattiv biex tinħoloq ħajja sintetika. Iżda t-teknoloġija se tagħti lir-riċerkaturi kontroll bla preċedent fuq is-sistemi ħajjin tal-bniedem.
U għalkemm il-proġett qed ifittex benefiċċji mediċi, m’hemm xejn li jwaqqaf lil xjenzati bla skrupli milli jużaw ħażin it-teknoloġija. Jistgħu, pereżempju, jippruvaw joħolqu armi bijoloġiċi, bnedmin imtejba jew saħansitra kreaturi li għandhom DNA uman, jgħid il-Prof Bill Earnshaw, xjenzat ġenetiku rispettat ħafna fl-Università ta’ Edinburgh li ddisinja metodu għall-ħolqien ta’ kromosomi umani artifiċjali.