Sunday, August 10, 2025

Ix-xniegħat li hemm fit-tellieqa għall-Kap tal-PN… qasma?…maġġoranza tad-deputati wara kandidat? …is-sondaġġi?

Titkellem l-avukat Louise Ann Pulis

Aqra wkoll

Quddiem il-ħafna xniegħat li hemm fil-kamp Nazzjonalista, kemm fost l-attivisti u anke t-tesserati, l-avukata Louise Ann Pulis ikkummentat dwarhom u spjegat kif ħafna minnhom m’humiex minnhom.

Iddikjarat li “qed jiġru ħafna xniegħat u għidut li ma jagħmlu ġid lil ħadd. Xtaqt nikkjarifika, għax meta ma jkunx hemm ċarezza, wieħed iżid ir-riskju li jitfixkel f’ saqajh. Qed jingħad li b’Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni bi 80,000. Din gidba. Delia kien Kap tal-Oppożizzjoni bejn Settembru tas-sena 2017 u Ottubru tas-sena 2020 u qatt ma kkontesta elezzjoni ġenerali bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma tilef b’dawk in-numri.”

Hi kompliet tgħid li “qed jingħad li Adrian Delia m’għaddiex mid-Due Diligence. Din hi gidba. Id-due diligence għandu jiġi magħmul pubbliku fil-jiem li ġejjin. Min qiegħed jgħid hekk: jew qed jirrepeti n-narrattiva tal-Partit Laburista jew forsi għandu xi don speċjali li jaqra l-futur?”

B’Adrian Delia se jerġa’ jkun hemm qasma?

Hi kkummentat ukoll fuq ix-xniegħa li qiegħda titmexxa u li tgħid li b’Adrian Delia bħala kap ikun hemm qasma fil-Partit Nazzjonalista. Hi tgħid li “din hi gidba. Il-qasma jġibha min ikollu interess jissabotaġġja lill-persuna billi jgħawwi jew ikeskes lill-partitarji u t-tesserati. Il-qasma tiġi meta jkun hemm min jaħseb li hu akbar mill-Partit. F’dawn l-aħħar snin Delia wera biċ-ċar mhux bil-kliem biss imma bil-fatti, li huwa dejjem jaħdem fl-interess tal-partit u tal-pajjiż minkejja kwalunkwe sfidi. Din hija ripetizzjoni tan-narrattiva tal-Partit Laburista.”

Ikkummentat ukoll dwar ix-xniegħa li jekk il-proċeduri kriminali tal-Vitals u Steward jaqgħu, taqa’ wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Appell fuq l-istess mertu. Enfasizzat li “din hi gidba. Proċeduri kriminali huma separati u distinti minn dawk ċivili. Sentenza tal-Qorti tal-Appell hija finali u ma tistax titbiddel.”

Gidba li l-maġġoranza tal-membri Parlamentari qegħdin wara kandidat wieħed

L-avukat Pulis tikkummenta dwar ix-xniegħat persistenti li l-maġġoranza kbira tal-membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jappoġġjaw lil kandidat wieħed. Tgħid li “din hi gidba. Din ix-xniegħa hi intiża biex tpinġi kandidat iktar popolari minn ieħor. Meta ħarġet pubblika s-suppost lista ta’ min qiegħed jappoġġja lil min, ħarġu pataflun dikjarazzjonijiet fuq mezzi tal-media li jgiddbu din l-allegazzjoni.”

Is-sondaġġi…x’qed juru?

Tikkummenta dwar is-sondaġġi pubbliċi u li dawn qegħdin juru li kandidat huwa popolari aktar minn ieħor. Tgħid li “din hija narrattiva li mhux biss tipprova tpenġi kandidat bħala aktar popolari minn ieħor, imma għandha l-intiża li tinfluwenza lin-nies u konsegwentement lit-tesserati. 

Ebda sondaġġ ma ġie ppubblikat fuq mezzi tal-media tal-Partit Nazzjonalista. Interessanti li diskors dwar sondaġġi ġew ippubblikati fuq mezzi tal-media ”indipendenti”. U jekk terzi li mhumiex affiljati mal-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li għamlu sondaġġi, ifisser allura li għandhom f’idejhom il-listi tat-tesserati tagħna li jridu jivvotaw u jeleġġu l-Kap tal-PN?! Mela f’ġieħ is-sewwa ejjew nieqfu nħallu lil ħaddieħor jiddetta l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista. Ejjew ilkoll naħsbu b’ moħħna u nkunu proattivi mhux rejattivi. Ejjew ilkoll nimxu wara l-bandiera għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista u ta’ pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport