Saturday, November 23, 2024

Ix-xogħlijiet fil-Menqa ta’ Marsalforn fi stadju avvanzat – se jinfetaħ l-aċċess għar-ristoranti kollha tal-Menqa

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Menqa ta’ Marsalforn, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li issa x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Menqa, bħala parti mill-masterplan ta’ Marsalforn, jinsabu fi stadju avvanzat.

Il-Ministru Camilleri qal li sa issa tlestew is-servizzi kollha li kien hemm relatati mal-ewwel fażi li jikkonsistu f’tibdil tas-sistema tad-drenaġġ, servizzi relatati ma’ komunikazzjoni, kif ukoll servizzi tal-Enemalta.  Ma’ dawn hemm ukoll is-sistema ta’ tidwil tat-toroq u CCTV cameras. Ingħatat il-bażi tal-konkos fuq l-istess servizzi u issa hija magħluqa.

Il-Ministru għal Għawdex stqarr li, “issa tpoġġa l-porfido quddiem ir-restoranti kollha tal-Menqa u ladarba titlesta l-bażi ta’ quddiem il-bajja, se jkun hemm aċċess komdu għan-nies li jiġu jieklu f’dawn ir-ristoranti.”

Il-Ministru Camilleri fakkar li l-masterplan tax-xatt ta’ Marsalforn tinkludi pavimentar bil-lava/porfido ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo, kif ukoll installazzjoni ta’ dwal ġodda u għamara tat-toroq biex iż-żona tingħata dehra kontemporanja. Barra minn hekk, se jkun qed jiġi allokat spazju għall-imwejjed u s-siġġijiet tal-bars, ir-ristoranti u ħwienet oħra.

Il-Ministru għal Għawdex spjega kif permezz ta’ dan l-investiment ta’ aktar minn €3 miljun il-Gvern qed jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mis-settur privat biex jittrasforma Marsalforn f’hub turistiku u ta’ divertiment. Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-intervent, il-Ministeru għal Għawdex għandu jistimula aktar investimenti biex jiżgura l-kompetittività tal-industrija turistika lokali, li tirrappreżenta madwar 50% tal-produzzjoni ekonomika diretta ta’ Għawdex u hija responsabbli għal madwar 20% tal-impjiegi maħluqa fil-gżira Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li f’konformità mal-politika tal-Gvern li tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu, l-aċċess fil-promenade se jkun pedonali, b’aċċess biss għall-vetturi li għandhom permezz biex jagħtu servizz.

Sport