Saturday, May 4, 2024

Ix-xogħol fit-taraġ fis-Saqqajja qiegħed isir b’attenzjoni għall-kuntest storiku

Il-proġett mistenni jkun lest sal-bidu tax-xahar id-dieħel

Aqra wkoll

Infrustructure Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina, għaddejja bi proġett biex isebbaħ iż-żona tat-taraġ u l-belvedere tas-Saqqajja. Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia f’mistoqsija parlamentari li fiha spjega li qabel ma t-taraġ u l-bankini tal-madwar jibdew jinksew b’ċangatura tal-qawwi li nġiebet minn Għawdex, diġà nbidlu s-servizzi tal-ilma u katusi tad-drenaġġ, ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona u anke ġew mgħoddijin pajpijiet f’każ li ‘l quddiem jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl tat-triq. 

Huwa qal li l-pajpijiet li saru biex jinżel l-ilma tax-xita minnhom huma installazzjoni temporanja sakemm ikunu lesti mwieżeb tal-ġebel li jaqblu mal-ambjent tal-inħawi. Dawn kollu sar bi qbil mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-imwieżeb tal-ġebel se jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Ministrru Farrugia qal li l-proġett huwa stmat li se jiswa madwar €500,000 u għandu jkun lest sal-bidu tax-xahar id-dieħel.

Sport