Monday, November 4, 2024

Ix-xogħol fuq il-breakwater ta’ Marsaskala qed fl-aħħar fażi tiegħu

Parti minn proġett b’investiment ta’ madwar €1.9 miljun

Aqra wkoll

Infrastructure Malta (IM) qiegħda fil-fażi finali tax-xogħlijiet biex jerġa’ jinbena mill-ġdid il-breakwater l-antik u l-mollijiet fin-naħa ta’ ġewwa tal-bajja ta’ Wied il-Għajn.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, waqt żjara fuq is-sit fejn qed isiru x-xogħlijiet. Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan l-intervent huwa parti minn proġett ta’ madwar €1.9 miljun, li jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 140 metru ta’ moll tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn. Dawn il-mollijiet huma popolari fost ir-residenti ta’ Wied il-Għajn u dawk li jiffrekwentaw din iż-żona għall-għawm u għal mixjiet mal-baħar.

Ġie spjegat li l-pedamenti tal-mollijiet ma baqgħux b’saħħithom minħabba għexieren ta’ snin ta’ erożjoni tal-baħar fejn il-wiċċ tal-konkos spiċċa maqsum u mħaffer. Għaldaqstant, Infrastructure Malta reġgħet bniet dawn il-mollijiet b’disinn ġdid u aktar sigur, inkluż ħajt li jilqa’ kontra l-mewġ biex jipproteġi lil dawk li qed jimxu u l-binjiet ta’ faċċata.

Ġie spjegat ukoll li matul il-proċess ta’ bini mill-ġdid tal-breakwater, permezz ta’ tim ta’ għaddasa, IM waqqgħet partijiet minnu li kienu waslu biex jaqgħu fil-baħar. Wara dan il-proċess, tpoġġew sisien ġodda bi blokki kbar tal-konkos. Se jkunu qed jitwaħħlu wkoll għajnuna għall-baħħara għan-navigazzjoni kif ukoll għas-sigurtà tagħhom. Issa li tlestew ix-xogħlijiet f’qiegħ il-baħar, ix-xogħlijiet se jiffukaw fuq il-binja tal-breakwater li tiġi ’l fuq mil-livell tal-baħar. Dan ix-xogħol jinkludi wkoll il-ħajt ta’ protezzjoni (sea wall) u l-istruttura tal-breakwater innifsu.

“Bħala stat gżira huwa kruċjali li nħarsu l-infrastruttura marittima hekk kif aħna pajjiż li niddependu minnha, speċjalment għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni. Dan is-settur huwa wieħed li mhux biss iħares l-interessi rikreattivi ta’ ħafna nies, bħall-għawwiema, iżda huwa wieħed kruċjali wkoll biex isaħħaħ u jiżgura l-kompetittività ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.


Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li qed isir b’fondi Ewropej u li se jwassal f’infrastruttura aħjar fost oħrajn għas-sajjieda. “Apparti dan il-proġett ġew investiti €7.5 miljun iffinanzjati b’fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, biex ikun hemm titjib fil-portijiet tas-sajjieda, fosthom f’Marsaxlokk u fl-Imġarr Għawdex,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li skont l-aħħar statistika, il-bajja ta’ Marsaskala tospita mal-200 dgħajsa tas-sajd professjonali kif ukoll dilettanti reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd. Kompliet li permezz ta’ dan il-breakwater il-ġdid, is-sajjieda se jkunu jistgħu jorbtu d-dgħajjes tagħhom aktar fil-fond u fl-istess ħin ikollhom aċċess aħjar għall-bastimenti tagħhom.

“Dan il-breakwater ġdid ser jolqot komunità kbira ta’ sajjieda fejn se nipprovdu port aktar kenni u sigur. Dan il-proġett huwa parti mill-ħidma infrastrutturali li qed jagħmel dan il-gvern biex inkomplu nagħtu serħan il-moħħ lis-sajjieda. Flimkien ser inkomplu nwettqu iktar proġetti siewja fiż-żmien li ġej,” ikkonkludiet is-segretarju parlamentari.

Sport