Saturday, May 18, 2024

Ix-xogħol fuq is-sit tal-katakombi ta’ Għar Għerduf f’Għawdex

… meħtieġa investigazzjoni għall-protezzjoni tal-istruttura storika u għall-ħaddiema involuti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għalkemm pajjiżna huwa gżira żgħira f’nofs il-Mediterran, huwa mogħni b’siti storiċi uniċi li jagħtuna Storja rikka li tmur miljuni ta’ snin lura b’uħud minnhom dati qabel il-famużi piramidi ta’ Giża. Dan il-wirt arkeoloġiku li aħna mżewqin bih barra li huwa ta’ valur kbir għalina bħala poplu, ta’ kull sena jattira turisti u anke studjużi minn madwar id-dinja kollha.

Wieħed mis-siti li fih se jsir xogħol huwa f’Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf), liema xogħol se jsir wara investigazzjonijiiet aktar profondi li minnhom għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet u jitfassal pjan elaborat biex dan ix-xogħol ippjanat isir b’mod professjonali u sigur.

Din l-informazzjojni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri wara li d-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici staqsa jekk ix-xogħol li kellu jsir fih sarux biex tibda l-ħidma arkeoloġika.

Il-Ministru Camilleri spjega li, “wara li saru studji preliminari fuq is-sit tal-Katakombi ta’ Għar Għerduf ġie stabbilit li minħabba l-fraġilità u xi kunsenturi li nstabu fis-sisien u s-saqaf tal-għar, għandhom isiru investigazzjonijiet aktar profondi fuq it-tessut u t-terren tal-madwar”.

Ħarsien ta’ post storiku

Fid-dettal huwa żied li għal dan il-għan f’dawn l-aħħar xhur ġie ppreparat u evalwat tender (SPD3/2023/010 – Award Notice; 15 ta’ Mejju 2023) għall-provvista’ ta’ studju xjentifiku tal-istat ġeoloġiku u jirrakkomanda miżuri ta’ konsolidament tal-blat li jifforma l-Katakombi ta’ Għar Għerduf bl-aħjar interventi u possibbilment reversibbli li jirrispettaw u jħarsu s-sensittività ta’ dan il-post storiku f’Għawdex.

“L-istess tender jaħseb ukoll biex ifassal pjan metodoloġiku għall-iskavar arkeoloġiku meħtieġ, mingħajr ma jikkomprometti l-istess struttura jew b’xi mod ikun ta’ periklu għall-ħaddiema involuti fl-istess proċess. Dan kollu qiegħed isir b’kollaborazzjoni u f’konsultazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali,” temm il-Ministru Camilleri.

Ta’ interess…

  • Il-katakombi ta’ Għar Għerdu jinsabu f’Kerċem u huma l-uniċi katakombi tal-era bikrija Kristjana f’Għawdex;
  • Dan huwa sit uniku ta’ fejn ir-Rumani kienu jidfnu lill-mejtin tagħhom;
  • Għal għexiren ta’ snin Għar Għerdu kiseb l-interess ta’ studjużi interessati fl-arkeoloġija Maltija;
  • Daw il-katakombi huma mħaffra fuq in-niżla tal-Punent ta’ Wied il-Lunzjata;
  • Huwa maħsub li l-ewwel kitba dwar dan is-sit saret mill-istoriku Malti Giovanni Francesco Abela li min-naħa tiegħu ddeskrivih bħala wieħed mill-aktar ċimiterji sagri antiki;
  • Iż-żona sofriet ħsarat estensivi kawża ta’ tħaffir ta’ barrieri li sar tul is-seklu 19 mentri s-sit għal snin sħaħ kellu bżonn ta’ konservazzjoni;
  • Dawn il-katakombi spiċċaw b’daħla waħda u oriġinarjament il-kumpless kellu kuridur twil ta’ madwar 14-il metru;
  • Huwa mifhum li fl-antik Għar Għerduf kien l-uniku sit ta’ dfin fi żmien ir-Rumani fir-Rabat;
  • Fl-2019 l-awtoritajiet pubbliċi xtraw art bil-valur ta’ €400,000 f’din iż-żona bil-għan li jipproteġu s-sit;
  • L-istess awtoritajiet qegħdin jaħdmu fuq is-sit biex isir tindif u jkun iffaċilitat l-aċċess għal dawn il-katakombi.

Sport