Thursday, August 7, 2025

‘Ix-xogħol iebes u l-perseveranza dejjem jagħtu frott fuq żmien twil’ – Clayton Mifsud  

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-vjaġġ tiegħi fil-futbol beda meta kelli madwar sitt snin ma’ Sliema Wanderers. Dejjem ħadt ispirazzjoni minn nannuwi Anthony Bonello, li kien player professjonali u lagħab ma’ wħud mill-aqwa klabbs f’Malta. Sa minn meta kont żgħir, dejjem xtaqt nimxi fuq il-passi tiegħu. Malli pruvajt il-futbol għall-ewwel darba, mill-ewwel ħabbejt dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Ta Xbiex SC?

Din hija t-tielet sena tiegħi nilgħab ma’ Ta’ Xbiex SC, u nista’ ngħid li matul is-snin kienet esperjenza mimlija emozzjonijiet differenti. Inħossni tassew grat li l-klabb laqgħani minn l-ewwel jum, minkejja li kont għadni qed nirkupra minn xi injuries. Iż-żewġ staġuni li għaddew ma rriflettewx il-potenzjal veru tagħna bħala tim, u dan kien sentiment ta’ diżappunt mhux biss għalija bħala plejer, imma għall-klabb kollu. Madankollu, nemmen li din is-sena se jibdew jidhru riżultati sorprendenti fuq il-karta u dan iżid il-motivazzjoni tiegħi biex nibda dan l-istaġun ma’ Ta’ Xbiex SC b’aktar ħeġġa.  

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

Għal dan l-istaġun għandna għan wieħed ċar, li niksbu l-promozzjoni. Ingħaqadna ma’ plejers b’talent u coaches b’esperjenza li jistgħu jgħinuna nilħqu dan l-għan. Il-programm ta’ taħriġ tagħna ġie mibdul għal kollox, u issa qed inħaddnu approċċ aktar strateġiku u professjonali, li nemmen li se jagħmel differenza sinifikanti fil-prestazzjoni tagħna fil-logħbiet li ġejjin.  

Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?

Mill-perspettiva tiegħi, il-livell tal-futbol Malti bħalissa tjieb b’mod sinifikanti. Il-livell li naraw illum huwa kompletament differenti minn dak ta’ aktar minn 50 sena ilu. Nemmen bis-sħiħ li fil-futur il-futbol Malti se jkompli jtejjeb u jiżviluppa aktar.  

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

F’dawn l-aħħar snin, rajt bidla ċara fil-mentalità sportiva f’Malta. Qed naraw aktar dixxiplina, impenn u professjonalità, kemm mill-atleti kif ukoll minn dawk li jaħdmu wara l-kwinti. Aktar nies qed jibdew iħarsu lejn l-isport mhux biss bħala passatemp, iżda bħala triq serja li teħtieġ xogħol iebes u dedikazzjoni fit-tul. Nemmen li din il-bidla pożittiva fil-mentalità se tkun kruċjali biex titjieb il-kwalità ġenerali tal-isport f’pajjiżna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.  

Lil kull min jixtieq karriera ta’ suċċess fil-futbol, żomm l-impenn, id-dixxiplina u l-paċenzja. Se jkollok mumenti diffiċli, imma kull sfida hija opportunità biex tikber. Iċċaqlaq ruħek ma’ nies li jimmotivawk titjieb, u qatt ma titlef il-fidi fik innifsek. Ix-xogħol iebes u l-perseveranza dejjem jagħtu frott fuq żmien twil!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport