Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul indirizzaw laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) li ttrattat is-suġġett tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-laqgħa ssejħet fuq talba tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li jeħtieġ li jkun hemm impenn sħiħ minn dawk kollha involuti biex tissaħħaħ il-kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol filwaqt li jitfissru aħjar x’inhuma r-responsabbiltajiet ta’ kulħadd f’dan il-qasam. Spjega li l-irwol tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) mhuwiex ristrett biss għas-siti tal-kostruzzjoni iżda għal kull post ieħor tax-xogħol fil-pajjiż.
Huwa żied jgħid li hemm bżonn li ssir diskussjoni wiesgħa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol fid-dawl tat-tibdil li qed iseħħ fid-dinja tax-xogħol, fejn għandha tingħata importanza lix-xogħol ripetittiv, is-saħħa mentali u riskji oħra li jġibu magħhom prattiċi ġodda tax-xogħol. Qal li l-OHSA se tkompli żżid l-impenn u r-riżorsi tagħha biex toħloq għarfien, b’mod partikolari fost ħaddiema barranin, billi fost oħrajn se torganizzalhom laqgħat ta’ informazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
“Huwa essenzjali li jitkattar it-taħriġ tal-ħaddiema u l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol lil kull min joffri servizzi marbuta ma’ dan il-qasam. Daqstant ieħor huwa importanti li jiġu esposti n-nuqqasijiet f’dan il-qasam u min-naħa l-oħra jiġu ppremjati dawk li jadottaw l-aqwa prattiċi, fosthom min iħaddem li jkun qed jipprovdi l-aqwa ambjent ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol li jkun qed imexxi. Ix-xogħol li jsir għas-saħħa u għas-sigurtà m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala investiment,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li, “Tajjeb li niddiskutu dwar il-liġijiet li rridu nagħmlu u ntejbu biex naraw li verament ikun hemm sigurtà fuq il-post tax-xogħol, madanakollu huwa importanti li l-liġijiet mhux biss ikunu fuq il-karta, imma jiġu segwiti u li jkun hemm infurzar denju wkoll”. Żied jgħid li f’dan ir-rigward, hemm bżonn ukoll bidla fil-mentalità minn kulħadd sabiex jiġu osservati l-istandards tas-sigurtà u tas-saħħa.
Is-segretarju parlamentari qal li waħda mill-problemi li qed jiffaċċjaw fis-suq tax-xogħol tal-kostruzzjoni hija n-nuqqas ta’ ħaddiema. Huwa qal li f’dan ir-rigward, ħafna qed jirrikorru għal ħaddiema barranin, li mhumiex skilled, xi ħaġa li ġġib sfidi ġodda hekk kif hemm bżonn il-ħin sakemm dawn il-ħaddiema jingħatalhom it-taħriġ neċessarju.
Il-kap eżekuttiv tal-OHSA għamel ukoll preżentazzjoni dettaljata dwar il-ħidma tal-awtorità. Diversi rappreżentanti tal-imsieħba soċjali taw il-kontribut tagħhom fid-diskussjoni li saret dwar is-suġġett.