Wednesday, November 19, 2025

‘Ix-xogħol ma jieqaf qatt, imma lanqas il-ħolm… ibqa’ emmen li tista’ tasal’ – Lucio Rocha

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Lucio Gonçalo Silva Rocha twieled fil-5 ta’ Mejju 2004 fil-belt vibranti ta’ Oporto, fil-Portugall. Minkejja li huwa biss twil metru u wieħed u sebgħin ċentimetru, Lúcio huwa wieħed minn dawk l-atleti li juru li l-qalb, id-determinazzjoni u l-intelliġenza tattika huma ħafna aktar qawwija mid-daqs fiżiku.

Minn età żgħira ħareġ bħala wieħed mill-aktar talenti versatili tal-futsal Portugiż, jilgħab bħala winger li fissirha l-pożizzjoni favorita tiegħu li tgħaqqad il-veloċità, il-kreattività u l-ħila li jinbena logħob b’mod spontanju u effettiv.

Il-karriera tiegħu fil-livell tal-kbar bdiet fl-istaġun 2019–20 mal-AD CR Caxinas, wieħed mill-klabbs li jagħraf u jkabbar talenti ġodda. Id-debutt tiegħu f’età daqshekk żgħira wera kemm il-kowċis kienu jemmnu fil-kwalitajiet tiegħu.

Fl-2021 waslet opportunità li bidlitlu l-karriera tiegħu mil-lejl għan-nhar: is-sejħa tal-SL Benfica, wieħed mill-akbar u l-aktar klabbs prestiġjużi tal-futsal fil-Portugall. Iżda l-klabb ried li jiżviluppa b’aktar regolarità, u għalhekk immedjatament reġa’ bagħtu lura ma’ Caxinas b’self sabiex ikompli jikber u jiġbor aktar minuti ta’ logħob. Lúcio għamel dan kollu b’umiltà u rikonoxxenza, jifhem li kull pass kien qed iġiegħlu jsir plejer aktar matur.

Meta rritorna għand Benfica, Lúcio ma ħarisx lura. Daħal bil-kuraġġ fl-ewwel tim u sar parti mill-magna li tmexxi r-ritmu tal-futsal fl-ogħla livell. Fl-istaġun 2022–23 kiseb żewġ unuri prestiġjużi mal-klabb: il-Taça de Portugal u t-Taça da Liga. Dawn kienu mumenti importanti ħafna għalih, mhux biss minħabba r-rebħ, iżda għax ħass li l-ħidma kollha tiegħu kienet qed tagħti l-frott.

Aktar riċentement, rebaħ ukoll is-Supertaça ta’ Portugal, unur li jkompli jpoġġi ismu fuq il-mappa Ewropea u ssħansitra dinji bħala wieħed mill-aktar żgħażagħ promettenti fil-futsal Ewropew. Illum, Lúcio għandu wkoll rwol importanti fil-parteċipazzjoni ta’ Benfica fil-UEFA Futsal Champions League, fejn il-klabb rebaħ il-grupp tiegħu li kien jinkludi lil Luxol St Andrews ta’ Malta, Riga Futsal (Latvja) u Loznica (Serbja). Dan il-ġurnal riċentement ħadlu l-kummenti tiegħu waqt li kien qed iseħħ dan it-tournament.

Fl-intervista li kellna miegħu, Lúcio ma setax jaħbi l-ferħ u d-dinamiżmu tiegħu. “Kien turnament mill-aqwa, bi plejers tassew kbar. Għalija kien ta’ unur li nkun parti minnu,” jgħid emozzjonat.

Hu japprezza ħafna l-appoġġ li jirċievi mingħand kulħadd, speċjalment minn dawk li ilhom jemmnu fih. “Fuq kollox għenuni ħafna l-familja u anke l-ħbieb. Meta għandek nies li jemmnu fik, kollox isir aktar possibbli.”

Lúcio hu wkoll membru tal-iskwadra nazzjonali Portugiża. Li tiskopri l-ħeġġa tiegħu meta jitkellem dwar il-pajjiż juri kemm għandu passjoni għal dak li jagħmel.

“Li nirrappreżenta lil Portugall hu unur kbir. Dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex nuri min aħna u x’nistgħu niksbu.” Hu ċert li t-tim nazzjonali jistaʼ jkompli jikber u jilħaq livelli anke aktar għoljin. “Nittama li nistgħu niksbu aktar suċċessi. Nixtieq in-nies jaraw li Portugall għandu futur sabiħ fil-futsal. U iva, ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja hija ħolma li dejjem ikolli f’moħħi.”

Il-mod kif jitkellem dwar il-futur jurik bniedem bi pjan, iżda b’umiltà. Hu magħruf għall-attitudni pożittiva tiegħu ġewwa u barra l-qasam. “Ma’ Benfica rridu mmorru pass pass. Nafu fejn ninsabu u fejn irridu naslu, iżda l-umiltà tibqa’ l-akbar arma tagħna.”

Meta staqsejnieh fejn jara lilu nnifsu f’għaxar snin oħra, Lúcio tbissem u qal: “Nixtieq nibqa’ umli. Il-ħajja tista’ tinbidel, iżda l-karattru għandu jibqa’ tajjeb. Nixtieq inkompli nikber, nirbaħ aktar trofej u nkun eżempju tajjeb.”

L-aħħar parti tal-intervista kienet dedikata lill-qarrejja żgħażagħ, lil dawk li jħarsu lejn il-futsal bħala ħolma. Hawnhekk, Lúcio jgħid ħaġa li tgħid ħafna dwaru:

“Qatt m’għandkom tieqfu toħolmu. Qatt m’għandkom iċċedu, anke meta jkun hemm mumenti diffiċli. U fuq kollox, ibqgħu umli qatt tkunu kburin żżejjed. L-umiltà tiftaħlek bibien li qatt ma bsart.”

Lúcio Gonçalo Silva Rocha mhux biss plejer tekniku u mgħaġġel, iżda hu eżempju ta’ dedikazzjoni, dixxiplina u maturità li mhux komuni f’età daqshekk żgħira. B’karriera li diġà bdiet tagħti frott, bi trofej, esperjenza internazzjonali u messaġġ pożittiv, Lúcio jidher destinat li jsir wieħed mill-aqwa plejers tal-futsal Ewropew fil-ġenerazzjoni tiegħu.

Fuq kollox, Lúcio jinsab kuntent li dan il-vjaġġ qatt m’għamlu waħdu. Huwa jħoss sens qawwi ta’ gratitudni lejn il-kowċis li emmnu fih u tawh iċ-ċans li jikber pass wara pass, kif ukoll lejn il-partitarji li dejjem jagħtuh kelma ta’ kuraġġ kulfejn imur.

Jgħid li l-futsal mhux biss logħba, iżda skola tal-ħajja li għallmitu jirrispetta, jikkollabora u jitgħallem minn kull sfida li jiltaqa’ magħha. Għalih, kull partita hija opportunità biex juri min hu u kemm irid jasal ’il quddiem b’ħidma u b’umiltà.

Għall-mument, hu qed igawdi kull pass tal-vjaġġ tiegħu minn Oporto sa Benfica, mill-plejer żgħir li beda f’Caxinas għall-atleta li issa qed jirrappreżenta lil pajjiżu fuq l-ogħla livell. U kif jgħid hu stess: “Ix-xogħol ma jieqaf qatt, imma lanqas il-ħolm. Ibqa’ emmen li tista’ tasal!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport