Monday, February 24, 2025

“Ix-xogħol qiegħed hemm għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-attivist tal-Moviment Graffiti, Andrè Callus, sostna li l-ġimgħa tax-xogħol għandha tkun ta’ 32 siegħa għal ekonomija ġusta li tagħtina iktar ċans ingawdu lill-familja, il-ħbieb u l-ħajja. Is-sistema ta’ 32 siegħa xogħol f’ġimgħa flok 40 issemmiet kemm-il darba. F’pajjiżi barranin u anke f’Malta qiegħda tiġi esperimentata u f’xi każijiet implimentata. 

Fir-rigward il-General Workers’ Union (GWU) ilha tippromwovi l-prinċipju ta’ bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal lil dan il-ġurnal li, “dejjem sħaqna li x-xogħol qiegħed hemm għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol. Parti minn din id-diskussjoni hija dwar l-idea ta’ ġimgħa tax-xogħol ta’ 32 siegħa bħala mezz biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tal-ħaddiema. Il-GWU taqbel u kemm il-darba tkellmet dwar dan anke fuq livell internazzjonali”. 

Andrè Callus saħaq li nkejlu kemm l-ekonomija hija b’saħħitha, mhux b’kemm tkattret, imma b’kemm in-nies għandhom kwalità ta’ ħajja aħjar, kemm għandhom ħin liberu, kemm għandhom l-opportunità jagħmlu l-affarijiet li għandhom passjoni għalihom, li veru jħobbuhom fil-ħajja. Kemm għandhom l-opportunità jmorru fl-ispazji miftuħa, mal-ħbieb, mal-familja, jibnu r-relazzjonijiet. Għalih, ekonomiija b’saħħitha hija ekonomija li tippermettilek dan kollu u “mhux ekonomija li tikber bl-addoċċ”.

“Miżura li trid tiġi diskussa fuq livell nazzjonali”

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li, “nemmnu li miżura bħal din għandha tkun miżura li tiġi diskussa fuq livell nazzjonali u fuq l-impatt fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna. Nemmnu wkoll li miżura bħal din għandh ua tittieħed fuq skala globali. F’dinja ta’ xogħol aktar globalizzata jeħtieġ li jiġu protetti l-postijiet tax-xogħol lokalment u l-ekonomija Maltija. Jeħtieġ li nipproteġu l-għajxien ta’ eluf ta’ ħaddiema li b’miżura bħal din jistgħu jiġu affettwati negattivament vis-a-vis postijiet tax-xogħol f’pajjiżi oħra, billi nsiru inqas kompetittivi. Irridu nżommu f’moħħna li aħna għandna ekonomija miftuħa u li l-maġġoranza tal-prodotti huma għall-esportazzjoni.”.

Tant il-GWU temmen fuq hekk li fil-passat apparti li tlabu ġimgħa ta’ 32 siegħa, fil-proposti tal-budget kienu talbu li l-ħaddiem għandu jingħata l-għażla ta’ 40 siegħa xoghol fuq erbat ijiem. Fil-fatt, kompla Bugeja, “din il-proposta kienet ġiet aċċettata u qiegħda tiġi prattikata mis-Servizz Pubbliku. Ovvjament dejjem jekk jitlob il-ħaddiem”. 

Huwa qal li l-ħin tal-mistrieħ bogħod mix-xogħol huwa ħtieġa, ix-xogħol huwa neċessità. Spjega li fl-istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu llum, stil ta’ ħajja differenti minn ta’ qabel, grazzi anke għall-progress, il-ħajja saret wisq mgħaġġla u għalhekk qiegħda aktar tinħass il-ħtieġa li kull individwu jara li jżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja mal-familja. Bilanċ li spiss qegħdin naraw li mhuwiex qiegħed jinżamm.

Infatti waħda mill-proposti tal-budget tal-GWU kienet  li l-ħaddiem għandu jingħata l-għażla ta’ 40 siegħa xogħol fuq erbat ijiem. Fil-fatt, kompla Bugeja, “din il-proposta kienet ġiet aċċettata u qiegħda tiġi prattikata mis-Servizz Pubbliku. Ovvjament dejjem jekk jitlob il-ħaddiem.” 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kkwota studji f’pajjiżi bħall-Iżlanda li wrew li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol ma jwassalx għal tnaqqis fil-produttività. “Fil-fatt, ir-riżultati jindikaw li l-produttività baqgħet l-istess jew saħansitra tjiebet, filwaqt li l-benesseri tal-ħaddiema żdied b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, kumpaniji li adottaw ġimgħa ta’ 32 siegħa rrappurtaw żieda fil-produttività u tnaqqis fl-għejja u l-istress fost l-impjegati tagħhom,” kompla Bugeja.

Insista li l-GWU temmen li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema mingħajr ma jaffettwa b’mod negattiv il-produttività. “Aħna ninsabu favur l-implimentazzjoni ta’ ġimgħa ta’ xogħhol ta’ 32 siegħa, bil-kundizzjoni li dian issir b’konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati kollha biex jiġi żgurat li l-bidla tkun sostenibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem”.

Il-proposta ta’ ħinijiet itwal fl-iskejjel…

“… Tinħass il-ħtieġa li t-tfal iqattgħu aktar ħin mal-ġenituri”

B’kuntrast mal-bilanċ tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, bħalissa għaddej dibattitu li jipproponi li jitwalu l-ħinijiet tal-iskejjel fejn konsegwentement, it-tfal kieku jdumu aktar fl-iskejjel b’inqas ħin fid-dar mal-familja u dan fid-dawl anke tal-bżonn ta’ żieda fil-popolazzjoni Maltija fejn ingħad li biex din tkun indirizzata, il-familji Maltin jeħtieġ ikollhom tlett itfal., 

Fir-rigward staqsejna lis-Segreetarju Ġenerali tal-GWU staqsejnieh kif fl-opinjoni tiegħu dan kollu jista’ jinkwadra. Staqsejniha jekk irridux li l-familji jkollhom aktar ħin ta’ mistrieħ u flimkien b’inqas sigħat ta’ xogħol għall-ġenituri u ħinijiet ta’ skola normali għat-tfal. Staqsejna Xx’inhi l-pożizzjoni u d-direzzjonii li se tieħu l-GWU fir-rigward u x’qegħdain tjipproponiu.

Bugeja fir-rigward qal li, “dan huwa suġġett li ma ddiskutejnix hekk kif naraw li għandu jkun diskuss flimkien mal-oqsma relatati. Naħsbu li hija proposta li tista’ tiġi diskussa u kkonsidrata kkunsidrata skont il-ħtiġijiet tal-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema/ħaddiema relatati. Però nemmnu li tinħass il-ħtieġa li t-tfal iqattgħu aktar ħin mal-ġenituri.”. 

Il-GWU temmen li kwalunkwe bidla għandha tqis l-impatt fuq il-familji. Bugeja elabora li filwaqt li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għall-ġenituri għandu l-għan li jżid il-ħin mal-familja, iż-żieda fil-ħin tal-iskejjel tista’ tnaqqas dan il-benefiċċju. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm approċċ koerenti li jippromwovi bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-familji kollha.

Huwa żied li, “is-suġġett tad-demografija u s-soċjetà Maltija huwa suġġett pjuttost komplikat u jidħlu diversi fatturi. Huwa fatt li l-popolazzjoni Maltija qiegħda dejjem tonqos. Huwa fatt li hemm ħtieġa kbira ta’ ħaddiema. Huwa fatt li l-istil tal-ħajja li qed ngħixu huwa ferm differenti minn qabel. Ir-rata ta’ fertilità hija problema għal ħafna pajjiżi u Malta qiegħda fl-aħħar post fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja”. 

Ħajja li fiha diffiċli jkollok aktar minn żewġt itfal…

Spjega li din is-sitwazzjoni li qegħdin naffaċċjaw tinkludi diversi aktar raġunijiet. “Illum il-ġurnata b’differenza minn qabel l-istudenti tagħna meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ikunu diġà qabżu l-20 sena, imbagħad ikun għad iridu jixtru d-dar tagħhom, jiżżewġu u sa ma jaħsbu li jkollhom it-tfal, ikunu kibru. Apparti minnhekk jidħlu wkoll il-finanzi u l-istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu llum il-ġurnata li ma tagħmilha xejn faċli li koppja jkollhom aktar minn żewġt itfal. Kif ukoll hemm dawk il-koppji li jagħżlu li ma jkollhomx tfal jew li jkollhom wieħed.”. 

Il-GWU tirrikonoxxi l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qegħdin jaffettwaw is-soċjetà Maltija. Għalhekk temmen bis-sħiħ li dawn is-suġġetti flimkien ma’ oħrajn għandhom ikunu parti mill-viżjoni għal Malta 2025. Bugeja speċifika li  jeħtieġ li naħdmu flimkien biex noħolqu soċjetà aktar solidali fejn l-ebda ċittadin ma jaqa’ lura. Fejn kulħadd ikollu xogħol li jagħtih dinjità u mhux jispiċċa skjav tax-xogħol. Xogħol dinjituż bi ħlas xieraq. 

“Il-GWU tibqa’ impenjata li taħdem favur kundizzjonijiet tax-xogħol li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, filwaqt li tikkonsidra l-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali. Aħna ninsabu lesti li nikkollaboraw mal-partijiet interessati kollha biex niżguraw li kwalunkwe bidla fil-politiki tax-xogħol tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd,” temm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport