Sunday, December 22, 2024

Ix-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fuq il-binja tal-Arkivji Notarili jaslu fl-aħħar fażi

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet ta’ restawr u ta’ manutenzjoni li qed isiru fuq il-binja tal-Arkivji Notarili waslu fl-aħħar fażi tagħhom. Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fil-binja fejn għaddejja ħidma bla waqfien sabiex l-Arkivji Notarili jsiru ċentru ta’ servizzi diversi.

Il-Ministru Attard spjega li għal dan il-proġett ġew investiti ’l fuq minn €5 miljun biex jiġi salvagwardjat il-patrimonju Malti u jkun hemm preservazzjoni ta’ aktar minn 20,000 volum ta’ atti notarili li għandhom prestiġju internazzjonali u valur storiku u soċjali. Apparti minn hekk, se tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-Arkivji Notarili għar-riċerkaturi kif ukoll għall-pubbliku. L-investiment f’dan il-proġett qed ikun parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

“Pajjiżna se jkollu ċentru ta’ eċċellenza għar-riċerka tal-istorja li toħroġ minn dawn il-volumi ta’ atti notarili. Dan ifisser li mhux biss se jitgawda issa, iżda wkoll se nassiguraw li nħallu lil ta’ warajna aċċess għall-istorja notarili ta’ pajjiżna,” tenna l-Ministru Attard.

Matul iż-żjara, in-Nutar tal-Gvern Dr Keith German spjega x’ikkonsista l-proġett, fosthom li ż-żewġ binjiet se jiġu inkorporati f’binja waħda li se tilqa’ repożitorju ġdid, laboratorju mill-aktar avvanzat għall-konservazzjoni tal-karta u ċentru tal-viżitaturi li se juri l-kollezzjoni u jattira komunitajiet ta’ riċerka lokali kif ukoll lill-pubbliku u lit-turisti kulturali. Fost l-eżibizzjonijiet mistenni li jkun hemm il-Kantilena, li hi magħrufa bħala l-eqdem letteratura Maltija.

“Nirringrazzja lil Dr German u lit-tim tiegħu għall-kontribut li taw biex dan il-proġett seta’ jsir realtà, u lill-ħaddiema kollha li għaddejjin b’dan ix-xogħol li permezz tiegħu se jgawdu kemm il-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll id-diversi turisti li jżuru pajjiżna. Inħares ’il quddiem sabiex fiż-żmien li ġej jiġi inawgurat uffiċjalment dan il-proġett,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Ekonomija

Sport